Illum fil-4.45pm il-Moviment Graffiti se jkun qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, hekk kif wasal fir-raba’ jum tiegħu jikkampja quddiem il-Parlament bi protesta għar-riformi ġodda li l-Gvern Laburista jrid jillegalizza.
F’Lulju li għadda, il-Gvern ipprova jgħaddi liġijiet li jneħħi kwalunkwe dritt liċ-ċittadin li joġġezzjoni għall-kwalunkwe żvilupp, u agħar minn hekk irid ineħħi l-poter lill-qrati li jegħlbu deċiżjonijiet tal-awtorita’ tal-ippjanar favur żvilupp sfrenat li qiegħed jeqred lil artna. Dan juri biċ-ċar kemm il-Gvern m’għandux għall-qalbu l-politika ambjentali u kemm m’għandu l-ebda intenzjoni li jipproteġi l-art u l-ambjent Malti għall-familji u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Kien hemm reżistenza minn bosta għaqdiet u mill-Partit Nazzjonalista biex dawn il-liġijiet ikunu irtirati. Fit-30 ta’ Lulju l-Partit Nazzjonalista talab biex ikunu irtirati mill-aktar fis l-emendi 143 u 144, emendi li hu sejjħilhom tal-mistħija. Kif ukoll ressaq mozzjoni biex jibda proċess serju, trasparenti u inklussiv biex l-ambjent ikun indirizzat bl-aktar mod etiku u sostenibbli.
Fis-16 ta’ Ottubru numru kbir ta’ gruppi mhux governattivi, bl-isem ‘Kampanja Ġustizzja għall-Artna’, ipprotestaw fit-toroq tal-Belt biex jagħmlu pressjoni fuq il-Membri Parlamentari sabiex ir-riformi jkunu iritirati. U minn dakinhar ‘l hawn, l-azzjonijiet ma wafux.






