Lokali Parlament

L-Ewropa trid taħdem b’aktar kuraġġ, unità u b’sens ġdid ta’ skop


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal fil-parlament li futur sigur tal-Ewropa jiddependi wkoll minn ekonomija kompetittiva, enerġija sigura u tranżizzjoni ekoloġika realistika u ġusta. Dan huwa l-mument li l-Ewropa trid taħdem b’aktar kuraġġ, b’aktar unità u b’sens ġdid ta’ skop.


Fi tweġiba għal stqarrija Ministerjali dwar is-Summit tal-UE mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li f’dan id-diskors kien se jipprovdi l-veduti tal-Oppożizzjoni dwar il-konklużjonijiet tas-Summit tal-Mexxejja tal-UE li tratta diversi temi – uħud minnhom marbutin mas-sitwazzjoni internazzjonali bħalma huwa dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani u Gaza u fl-Urkajna.


Hemm ukoll oħrajn li joqtluna aktar mill-qrib bħala pajjiż u bħala ċittadini Maltin u Għawdxin, bħalma huma t-tnaqqis tal-burokrazija u l-kompetittività, it-tisħiħ tas-suq waħdani Ewropew, il-migrazzjoni, l-enerġija u l-akkomodazzjoni.


Alex Borg tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u qal li l-Partit Nazzjonalista qed josserva mill-qrib il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża. Il-PN jilqa’ b’sodisfazzjon il-qbil fis-Summit Ewropew dwar il-pjan ta’ paċi biex jintemm il-kunflitt armat f’Gaża bl-enfasi fuq soluzzjoni bbażata fuq żewġ stati.


L-Oppożizzjoni tiddikjara l-appoġġ bla riżerva tagħha lill-Gvern Malti għal kull inizjattiva ta’ għajnuna umanitarja li pajjiżna jista’ jagħti lill-poplu Palestinjan, li issa sofra biżżejjed.


Madanakollu ma nistax ma nurix il-preokkupazzjoni tiegħi li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied hu wieħed fraġli ħafna. Sal-lum stess għadna qegħdin nisimgħu li nqatlu għexieren oħra ta’ Palestinjani. Kull naħa għandha tagħmel il-parti tagħha biex din il-paċi fraġli tissarraf f’paċi dejjiema.


Kif dejjem sħaqna, wara li Malta sa fl-aħħar irrikonoxxiet l-Istat Palestinjan – xi ħaġa li l-PN kien ilu jisħaq li għandha ssir – se nibqgħu nsostnu li t-triq ‘il quddiem hija s-soluzzjoni ta’ żewġ stati, sostna Alex Borg.
Fir-rigward tas-sitwazzjoni f’dan ir-reġjun tal-Lvant Nofsani, Il-PN jaqbel mal-pożizzjoni Ewropea li tappoġġja l-paċi bbażata fuq il-liġi internazzjonali, u jħeġġeġ lil Malta tkompli tintensifika d-diplomazija tagħha bħala pajjiż newtrali fil-Mediterran.


Hu tkellem dwar l-Ukrajina u qal li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet u tibqa’ favur il-poplu Ukren.
Il-PN qed jieħu nota tal-konferma mill-Kunsill Ewropew tal-appoġġ qawwi tiegħu lill-Ukrajna kontra l-aggressjoni Russa u filwaqt li jaqbel ma’ dan, l-Oppożizzjoni tingħaqad fil-kundanna mingħajr ebda riżerva għall-azzjonijiet tar-Russja waqt li niddikjaraw l-appoġġ sħiħ tagħna għal kull inizjattiva politika tal-Unjoni Ewropea biex din il-gwerra tintemm.


Aħna favur paċi li tkun paċi ġusta, u favur li t-territorji kollha okkupati mir-Russja jiġu rritornati lill-Ukrajna. Il-pożizzjoni ta’ Malta u tal-PN għandha tibqa’ waħda favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna waqt li fl-istess ħin inħeġġu soluzzjoni diplomatika li tkun waħda sostenibbli u nħeġġu wkoll ir-rispett lejn id-dritt internazzjonali, sostna l-Kap tal-PN.


Kif dejjem sostna l-PN, ma jistax ikun hemm diskussjoni għall-paċi mingħajr ma jkun hemm l-Ukrajna madwar il-mejda tan-negozjati.


L-Ewropa għandha tibqa’ ssostni lill-Ukrajna bil-mezzi kollha possibbli imma bħala pajjiż newtrali nibqgħu impenjati li bl-ebda mod l-involviment ta’ pajjiżna ma jmur oltre r-restrizzjonijiet li tpoġġi fuqna l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.


L-Oppożizzjoni tappoġġja ukoll l-implimentazzjoni ta’ aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja, u nikkonfermaw l-appoġġ kollu tagħna għall-proċess li diġà nbeda biex l-Ukrajna ssir membru tal-UE ġaladarba tkun tissodisfa l-kriterji għas-sħubija.


Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja l-politika ta’ tkabbir tal-UE abbażi tal-mertu u naraw f’dan opportunità biex jiġu msaħħa r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi viċin fil-Lvant tal-reġjun.
Naqblu mad-dikjarazzjoni tal-mexxejja Ewropej li laqgħu l-progress li qed tagħmel il-Moldova fil-mixja tagħha lejn is-sħubija fl-UE u ntennu aħna wkoll l-appoġġ tagħna biex f’dan il-pajjiż ikun hemm passi konkreti lejn aktar stabbiltà u demokrazija.


Dwar id-difiża u s-sigurtà Ewropea hu qal li l-PN jappoġġja difiża Ewropea aktar b’saħħitha, iżda dejjem f’konformità man-newtralità ta’ Malta u fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni man-NATO.


Imma fuq kollox – u rrid nerġa’ nenfasizza – bħala Stat Membru li huwa newtrali, Malta trid tiżgura li bl-ebda mod ma tinvolvi ruħha f’inizjattivi li b’xi mod jistgħu jmorru kontra n-newtralità ta’ pajjiżna u l-poplu tiegħu kif hemm fil-Kostituzzjoni tagħna, sostna Alex Borg.


Dwar il-kompetittività u t-tisħiħ tas-suq waħdani Ewropew, il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni tibqa’ tal-fehma li l-Unjoni Ewropea hija u għandha tibqa’ blokk ekonomiku b’saħħtu u magħqud f’suq wieħed li jkun kapaċi jilqa’ għall-isfidi li ġejjin minn barra.


It-triq ‘il quddiem għall-UE hija li tibqa’ kompetittiva. Ma nistgħux għalhekk ma naqblux ma’ kull inizjattiva biex l-UE tnaqqas il-piżijiet burokratiċi u tħeġġeġ l-innovazzjoni, speċjalment għan-negozji żgħar u medji, illi rrid infakkar, jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija anke f’pajjiżna.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li biex tagħmel hekk l-Unjoni Ewropea trid tkun lesta għall-isfidi l-ġodda li qed tiffaċċja d-dinja, bħalma huma l-isfida tal-iżviluppi fit-teknoloġija, l-Intelliġenza Artifiċjali. Li għandhom ikunu l-għodda li jpoġġu lill-Ewropa fuq quddiem meta mqabbel ma’ blokok ekonomiċi oħra.
Il-PN jappoġġja l-enfasi li qed issir u li saret f’dan il-Kunsill Ewropew, fuq il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni tal-proċessi burokratiċi u t-tnaqqis fil-burokrazija għax nifhmu anke dan kemm hu importanti għalina u għal pajjiżna u ċ-ċittadini tiegħu – għax jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin biex jikkompetu aħjar, sostna l-Kap tal-PN.


Dwar l-isfida tal-enerġija, il-Kap tal-PN qal li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jkollha sisien sodi ta’ sorsi ta’ enerġija biex tlaħħaq mad-domanda.


Hu sostna li nilqgħu l-impenn biex it-tranżizzjoni ekoloġika tkun ġusta u realistika, b’enerġija nadifa u prezzijiet aktar stabbli. Anke hawn, din hija kwisjtoni essenzjali u kruċjali għal pajjiżi iżgħar bħalma hu pajjiżna.


L-Ewropa tibqa’ fuq quddiem biss jekk tinvesti fir-riċerka, jekk tinvesti fl-innovazzjoni, jekk tnaqqas il-burokrazija fi ħdanha biex tibqa’ dejjem aktar kompetittiva, jekk bħala blokk ekonomiku u suq waħdani Ewropew ninfetħu għal swieq ġodda li minnhom igawdu n-negozji tagħna.


Fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali, il-PN jemmen li din trid issir b’aktar protezzjoni għad-data, sigurtà ċibernetika u inċentivi għall-innovazzjoni.


Fuq kollox, l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem jekk tħares l-interessi taċ-ċittadini tagħha, tas-sidien tan-negozji tagħha, tal-kumpaniji tagħha.


Bħala Oppożizzjoni, sostna l-Kap tal-PN, nilqgħu wkoll b’sodisfazzjon dak li ddiskuta u qabel dwaru l-Kunsill Ewropew fejn għandu x’jaqsam ma’ żewġ oqsma oħra importanti għaċ-ċittadini Ewropej; l-akkomodazzjoni u l-migrazzjoni. L-UE rrikonoxxiet il-kriżi tal-akkomodazzjoni u talbet pjan komprensiv għal housing aċċessibbli.


Il-PN jqis dan bħala pass pożittiv u jħeġġeġ lil Malta biex tuża l-appoġġ Ewropew biex tindirizza l-problema lokali tal-prezzijiet għoljin tal-kiri u tax-xiri ta’ djar. Dwar il-migrazzjoni, ninnutaw kif l-UE qed tisħaq fuq implimentazzjoni konkreta ta’ miżuri li jsaħħu l-kontrolli u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini.
Alex Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja politika Ewropea bilanċjata li tħares lejn is-solidarjetà iżda wkoll ir-responsabilità, filwaqt li tassigura li l-Mediterran ma jibqax waħdu fil-ġestjoni tal-flussi migratorji.


Alex Borg għamel riferenza għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew li sar fl-istess jum tal-Kunsill Ewropew li għalih attenda l-Prim Ministru. Din kienet laqgħa li saret ftit sigħat biss qabel ma l-mexxejja Ewropej iltaqgħu fis-Summit tal-UE fi Brussell.


Alex Borg sostna li għal din il-laqgħa ma setax jattendi minħabba raġunijiet li kulħadd jaf. Irrid, iżda, bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, insistni li bħala parti mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew, il-PN jaqsam il-viżjoni li ġiet adottata fil-laqgħa tal-PPE, sostna l-Kap tal-Oppożozzjoni.
Għalkemm ma stajtx inkun preżenti f’din is-summit minħabba dak li ddeċieda l-Prim Ministru u d-dibattitu li kien qed isir fil-Parlament l-Erbgħa li għadda, il-Partit Nazzjonalista kien, u jibqa’ jaqbel mal-pożizzjoni tal-PPE fuq il-prijoritajiet ewlenin tal-Ewropa, sostna Alex Borg.


L-appoġġ lejn l-Ukrajna mhuwiex negozjabbli, għaliex dak li jiġri hemm jolqot is-sigurtà tal-kontinent kollu. Il-messaġġ tagħna hu wieħed ċar, ir-Russja għandha tħallas għad-danni li kkawżat, u l-Ewropa trid tibqa’ magħquda biex tiddefendi l-paċi, id-demokrazija u l-valuri li jagħmluna Ewropej.


Fl-istess ħin irridu nsaħħu d-difiża kollettiva Ewropea sal-2030, b’koordinazzjoni man-NATO, biex nipproteġu kull ċentimetru tal-Ewropa – mill-Artiku sal-Mediterran. Għalina f’Malta, dan ifisser ukoll li nkomplu nkunu pont ta’ stabbiltà u solidarjetà fil-Mediterran, fejn il-paċi u d-djalogu jibqgħu l-akbar kontribuzzjoni tagħna għall-Ewropa, sostna l-Kap tal-PN.


Il-futur sigur tal-Ewropa jiddependi wkoll fuq ekonomija kompetittiva, enerġija sigura, u tranżizzjoni ekoloġika realistika u ġusta. Dan huwa l-mument li l-Ewropa trid taħdem b’aktar kuraġġ, b’aktar unità, u b’sens ġdid ta’ skop, sostna l-Kap tal-PN Alex Borg.


Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa dwar il-pakkett ta’ sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja li Malta se tosserva. Hu staqsa jekk hux qed isir studju ta’ imopatt mill-Gvern Malti dwar dawn is-sanzjonijiet. Beppe Fenech Adami semma’ l-immigrazzjoni u staqsa dwar it-theddia li l-immigrazjzoni terġa tiddistabilizza l-Ewropa.