Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) tilqa’ l-impenn tal-Gvern li jappoġġja lill-ġenituri prospettivi kif ukoll lil dawk li diġà huma ġenituri sabiex ikollhom aktar tfal, fi sforz biex tiġi indirizzata r-rata baxxa tal-fertilità f’Malta.
Fil-Budget ta’ din is-sena, il-Gvern ħabbar diversi miżuri finanzjarji, fosthom it-twessigħ tal-faxex tat-taxxa fuq id-dħul għall-ġenituri. L-NCPE tinnota b’mod pożittiv li dan se japplika għal familji li għandhom tfal sa 18-il sena, jew sa 23 sena jekk it-tfal ikomplu bl-edukazzjoni formali. Iż-żieda fl-allowance tat-tfal għal familji li jaqilgħu inqas minn €30,000, kif ukoll l-għotjiet relatati mat-twelid jew l-adozzjoni tat-tfal, huma wkoll passi importanti biex ikunu ta’ sostenn għall-familji bit-tfal.
Filwaqt li tirrikonoxxi dan l-appoġġ finanzjarju sostanzjali, l-NCPE ttenni l-ħtieġa għal approċċ ħolistiku biex jiġu indirizzati l-fatturi multipli u intersezzjonali li jikkontribwixxu għar-rata baxxa tal-fertilità f’Malta. Matul is-snin, fil-proposti tal-Budget annwali, l-NCPE enfasizzat b’mod konsistenti l-importanza li jiġu estiżi u introdotti miżuri ġodda favur il-familja, li huma wkoll konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju riċenti tagħha dwar il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet tan-nisa u l-irġiel dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja b’rabta mad-daqs tal-familja.
Ir-rikmandazzjonijiet tal-NCPE jinkludu żieda fil-leave imħallas relatat mal-ġenituri – it-twessigħ tal-leave tal-maternità għal sitt xhur, tal-leave tal-paternità għal erba’ ġimgħat, u tal-leave tal-ġenituri għal sitt xhur imħallas b’mod sħiħ, tliet xhur minnhom fuq bażi ta’ “jew jintuża jew jintilef”.
L-NCPE tħeġġeġ ukoll li jissaħħu s-servizzi relatati mal-familja, bħall-estensjoni tas-servizzi ta’ childcare b’xejn għal kull ġenitur, il-ħolqien ta’ inċentivi fiskali lill-kumpaniji li joffru xogħol flessibbli, kif ukoll t-twettiq ta’ proġetti pilota dwar ġimgħat tax-xogħol iqsar sabiex jiġi esplorat l-impatt tagħhom fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja kif ukoll fuq il-produttività.
//= $special ?>

