L-Uragan Melissa kkawża ħsara kbira fil-Ġamajka wara li saħansitra kien irreġistrat bħala l-aktar maltempata qawwija li qatt laqtet il-gżira. Issa miexi lejn Kuba b’qawwa ta’ Kategorija 4. B’riħ li jlaħħaq 185 mili fis-siegħa, il-maltempata għarrqet bliet, qerdet għexieren ta’ djar, u ħalliet aktar minn 500,000 persuna mingħajr elettriku.
Il-Prim Ministru tal-Ġamajka, Andrew Holness qal li s-sitwazzjoni hija waħda serja u li l-gvern ma rċieva l-ebda aħbar dwar fatalitajiet ikkonfermati kawża tal-uragan. Tenna li minħabba s-saħħa tal-uragan u ħsara li ġab miegħu jista’ jkun hemm telf ta’ ħajjiet.
L-esperti qalu li Melissa hija l-“maltempata tas-seklu” tal-Ġamajka u wissew li t-tibdil fil-klima qed iwassal għal uragani aktar b’saħħithom. F’Kuba, il-President Miguel Díaz-Canel appella lin-nies f’Santiago de Cuba biex isegwu l-ordnijiet ta’ evakwazzjoni u jibqgħu siguri.
Madwar 15,000 Ġamajkani qed joqogħdu f’xelters ta’ emerġenza, filwaqt li l-awtoritajiet qed jipprovdulhom ikel, ilma, u appoġġ mediku. Xita qawwija u valangi huma mistennija hekk kif l-Uragan Melissa jkompli t-triq bil-mod u perikoluża tiegħu madwar il-Karibew.
//= $special ?>

