Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, bidlet is-sentenza ta’ Denis Zammit minn ħabs effettiv għal sentenza sospiża wara li l-akkużat ġie rikonoxxut bħala riabilitat b’suċċess mill-Bord ta’ Rijabilitazzjoni tad-Droga.
Zammit, ta’ 59 sena minn San Ġwann, kien instab ħati li kien fil-pussess aggravat ta’ kokaina mhux għall-użu personali tiegħu, kif ukoll ta’ reat li wettaq fi żona aggravata f’Paceville. Il-każ imur lura għal Marzu tal-2017, meta l-pulizija, wara tfittxija fil-klabb Monte Carlo f’Paceville, sabet ħames boroż żgħar ta’ kokaina fil-but tal-ġakketta tiegħu, b’piż totali ta’ aktar minn ħames grammi u purità ta’ madwar 20%.
Aktar droga, inkluż ammont żgħir ta’ cannabis, instabet fir-residenza tiegħu flimkien ma’ apparat bħal imwieżen elettroniċi, grinder u boroż tal-plastik, għalkemm dawn ma kellhomx traċċi ta’ sustanzi. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannatu disa’ xhur ħabs u multa ta’ elf ewro, wara li sabitu ħati ta’ pussess aggravat ta’ kokaina u li kien wettaq ir-reat f’żona aggravata.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell irrilevat li matul il-proċess tal-appell, Zammit kien għadda minn programm ta’ rijabilitazzjoni taħt is-superviżjoni tal-Bord tad-Droga u Probation Officer, fejn ir-rapport finali kkonferma li kien temm b’suċċess il-kura u kien qed jgħix ħajja stabbli.
Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti qalet li ma sabet l-ebda raġuni legali biex tiddubita l-konklużjonijiet tal-ewwel Qorti dwar il-ħtija, peress li l-provi kienu ċari u l-ammont ta’ droga u ċ-ċirkostanzi juru li l-pussess ma kienx għall-użu personali biss. Madankollu, hija qieset il-progress sinifikanti u l-impenn personali tal-appellant biex jirtira mid-dipendenza, u għalhekk għażlet li tibdel il-piena għal waħda sospiża taħt kundizzjonijiet.
B’hekk, minflok il-ħabs effettiv ta’ disa’ xhur, Zammit ġie kkundannat għal sentenza sospiża għal perjodu ta’ tliet snin, waqt li żammet il-multa ta’ elf ewro u l-ħlas ta’ €424.42 fi spejjeż tal-qorti. Il-Qorti ordnat ukoll li l-mobile phone tiegħu jiġi rritornat, filwaqt li l-oġġetti u d-droga miġbura bħala prova għandhom jinqerdu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar.
//= $special ?>

