Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċiviliu x-Xandir Pubbliku
U bla dubju ta’ xejn li jġagħluna nirriflettu ftit dwar dan il-fatt li kitbet fuqu Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna dakinhar u llum.
Dan għaliex dawn il-kelmiet għadhom jagħmlu sens kbir illum, tmien snin wara dan l-attakk faħxi kontra d-demokrazija, l-espressjoni ħielsa u l-libertà meta Daphne Caruana Galizia nqatlet f’attakk viljakk biex isikktuha għaliex kienet qegħda tesponi u tikxef il-korruzzjoni.
Minkejja li għaddew tmien snin diġà minn dan l-assassinju, dawn il-kelmiet għadhom jagħmlu sens kbir. Anzi, bħalma għedt kemm-il darba qabel, ‘Daphne kellha raġun’ u filwaqt li permezz ta’ dan l-artiklu irrid infakkar il-memorja tagħha, se nkun qiegħda nuri kif verament Daphne kellha raġun u ż-żmien kompla jagħtiha raġun fuq dak li qalet u kitbet dwaru.
L-ironija hi li minkejja li għaddew is-snin, minkejja li hemm diversi nies fil-ħabs għaliex instabu ħatja li b’xi mod kienu involutu fil-qtil ta’ din il-ġurnalista kuraġġuża, il-ġustizzja f’dan il-każ għadha ma seħħitx.
Ebda apoloġija
L-ewwel nett għaliex l-allegat mandant bħalissa għadu jiġri barra jistenna li jintemm proċess li jidher li se jieħu fit-tul dwar l-involviment tiegħu fil-qtil, iżda iktar minn hekk għaliex ħadd qatt ma pprova jagħmel ġustizzja lill-istejjer li investigat jew li żvelat hi.
U għalhekk, mhux talli Daphne nqatlet biex tissikket, iżda wkoll baqa’ għaddej l-attentat li l-istejjer tagħha jiġu minsija. Daphne investigat u żvelat diversi stejjer ta’ korruzzjoni.
Sal-lum għadhom joħorġu stejjer li suppost iħammru wiċċ dawk involuti fihom, imma l-ambjent ta’ impunità u l-attitudni tax-xejn mhu xejn għadhom jiddominaw. Qiegħda tiġini f’moħħi l-kwistjoni tal-Fortina li riċentement kienet fl-aħbarijiet. X’ġara? Xejn. Assolutament xejn.
Wegħda mill-Ministru Ian Borg li l-Gvern se jirkupra l-flus. Tajjeb. Imma fejnhom il-konsegwenzi? X’se jeħel min kien ħati ta’ dan kollu? X’se jiġri lin-nies involuti fil-każ? Fejn hi l-apoloġija jew is-sens tal-mistħija min-naħa tal-Gvern? Xejn, baħħ.
F’dawn il-jiem għaddew tmien snin mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia; tmien snin li fihom l-attakki fil-konfront ta’ din il-mara kuraġġuża, li kienet il-vuċi ta’ ħafna ma waqfux.
F’inkjesta pubblika l-Gvern Laburista nstab ħati li ħoloq klima li fiha kien faċli li tinqatel Caruana Galizia. Iżda sfortunatament jidher biċ-ċar li l-Gvern Laburista, issa mmexxi minn Robert Abela, ma tgħallem xejn. Il-midja tal-Partit Laburista u diversi esponenti tal-Partit għadhom sal-lum jiddisprezzaw lil Daphne Caruana Galizia u l-memorja tagħha, lill-familja tagħha u forsi agħar minn hekk lill-istejjer tagħha.
Għadni nistenna, fil-fatt il-poplu għadu jistenna, li xi ħadd mill-kamp Laburista jitlob apoloġija għall-mod kif għal ħafna snin Caruana Galizia ġiet impenġija fuq il-midja Laburista. It-tgħajjir, l-insulti, it-tpinġijiet grotteski, il-frażi ‘is-saħħara tal-Bidnija’… dan kollu wassal biex lil Daphne jneħħulha l-umanità tagħha.
U d-disprezz ikompli. Ikompli kontra kull min b’xi mod jiftaħ ħalqu u jitkellem kontra l-Gvern. Aħna, l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista l-ħin kollu niġu mgħajra mit-trolls Laburisti, li jinqdew bi profili foloz biex jigdbu fuqna u jżebilħuna.
Siti li jimminaw il-verità
Il-kamra tal-aħbarijiet tal-One, li minflok tinvestiga kif suppost jagħmlu l-ġurnalisti, u hawnhekk nsellem lill-ġurnalisti u x-xogħol siewi tagħhom f’demokrazija, dawn huma mġiegħla jirrepetu l-propoganda tal-Gvern jew tal-Partit u jippruvaw ikissru lin-nies, bħalma riedu jagħmlu lil Daphne Caruana Galizia. Saħanistra għandna websites immexxija minn esponenti tal-Gvern li qegħdin hemm biss biex jgħawġu l-verità.
Għalhekk bi sfortuna ngħid li l-qtil ta’ Daphne ma bidel xejn. U qabel ma xi ħadd jgħidli li ‘Daphne kienet tweġġa’ lin-nies’, mantra rrepetuta diversi drabi, irrid nghid li ma jfissirx li jien naqbel ma’ kulma kitbet Daphne fil-karriera twila tagħha, perà l-Ingliżi jgħidu ‘two wrongs do not make a right. Imma iktar minn hekk qabel ma nirrepetu li Daphne kienet tweġġa’ lin-nies, tajjeb naraw li dak li ngħidu jkun minsus fuq fatti.
Jiena nemmen li hemm bżonn li nfakkru l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, kif sar fil-jiem li għaddew, b’mod partikolari f’għeluq it-tmien snin tal-qtil taghħha!
Iva rridu nibqgħu nfakkru l-memorja tagħha l-ewwel nett bħala ġurnalista qalbiena u tarka tad-demokrazija, imma wkoll għaliex kienet mara, omm, oħt, bint, qariba u ħabiba li mietet għal kull wieħed u waħda minna.
Daphne kienet eroj u l-eroj ta’ pajjiżna ma nistgħux u m’għandna qatt ninsewhom.
Jalla biż-żmien, pajjiżna jirnexxielu jeħles mill-crooks u Daphne ma tkunx tat ħajjitha għalxejn.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>

