Opinjoni

OPINJONI: Illum qomna bħall-bieraħ

B’nefqa bla kontroll, b’politika ekonomika reattiva, u b’nuqqas ta’ viżjoni serja lejn l-edukazzjoni, l-ambjent, u l-governanza tajba, Malta tinsab f’riskju li titlef l-istabbiltà li għal snin twal kienet il-pedament tas-suċċess tagħha.

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

B’nefqa bla kontroll, b’politika ekonomika reattiva, u b’nuqqas ta’ viżjoni serja lejn l-edukazzjoni, l-ambjent, u l-governanza tajba, Malta tinsab f’riskju li titlef l-istabbiltà li għal snin twal kienet il-pedament tas-suċċess tagħha.

Nhar it-Tnejn li għadda l-Gvern ressaq b’ħafna pompa baġit li fih il-poplu Malti ra l-flus jitqassmu biex id-dejn ikompli jisplodi u l-problemi jippersistu. Il-baġit tal-Gvern, indirizzat biex jagħti futur lil uliedna, jibqa’ nieqes mis-soluzzjonijiet veri li joffru pjan fit-tul biex il-pajjiż jindirizza l-isfidi u l-problemi li għandu quddiemu.

Ilbieraħ, il-pajjiż qam fqir daqskemm kien il-jum ta’ qabel għaliex iż-żidied minimi li qiegħed jgħaddi huma biss superfiċjali u ma joffrux soluzzjonijiet konkreti u profondi biżżejjed. Jidhirli li l-Gvern ma għandux rieda biex iħares fil-bogħod u jneħħi l-madmad partiġjan li għandu jostorlu d-dehra ta’ Malta fis-snin li ġejjin. Imma fl-istess waqt, il-Gvern sab biżżejjed rieda biex iżid is-salarji tal-Ministri biex huma jgħixu aħjar minn fuq daharna lkoll. Dawn huma l-aktar ċifri ironiċi: €1,700 f’żieda għall-Ministri, imma żieda qarsa ta’ €242 għalik kull sena. 

Ekonomija u dejn pubbliku

Il-baġit iġib miegħu rekord ta’ dejn impressjonanti, anzi inkwetanti, u li Robert Abela u Clyde Caruana donnhom qegħdin jibqgħu jinjoraw u jwarrbu fil-ġenb. Id-dejn tal-Maltin se jittrippla għal €14-il biljun, ċifra xokkanti biżżejjed li tfakkarna li pajjiżna qabad ċirku vizzjuż li ma jistax joħroġ minnu għaliex il-Gvern ma jridx joħorġu minnu.

Inkwetanti li dan id-dejn li qiegħed jgħakkas pajjiż, jirriżulta f’madwar €20,000 fuq kull persuna fil-pajjiż, biex il-Gvern Laburista jidher sabiħ quddiem dawk li ma jridux (jew ma jistgħux) jaraw l-istampa kollha. Fuq ammissjoni tal-Ministru għall-Finanzi stess, id-dejn tal-pajjiż se jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin. Minn meta Robert Abela nħatar Prim Ministru kien diġà ħoloq dejn daqs il-Prim Ministri kollha ta’ qablu f’daqqa. Issa l-Ministru Clyde Caruana fil-baġit qalilna li sal-2028 id-dejn se jkompli jiżdied minn 11-il biljun kif inhu llum għal rekord ġdid ta’ €14-il biljun.

Kwalità ta’ Ħajja Aħjar

Il-baġit jonqos milli jindirizza l-problemi li jolqtu direttament lill-familji – il-kirjiet, l-għoli tal-ħajja, u l-inugwaljanzi dejjem jikbru. Iż-żieda fil-COLA ta’ €4.66, li hi wkoll taxaxbbli, hija insult għal dawk li jissieltu biex ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum. Filwaqt li l-Ministri jingħataw żidiet ta’ €1,700, il-ħaddiema ordinarji jiġu trattati bħala tat-tieni klassi. Il-Gvern qiegħed iwelled dikotomija soċjali b’żewġ livelli inkomparabbli. Din mhix biss kwistjoni ta’ finanzjament – hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u moralità politika.

Il-Gvern f’dan il-baġit ma jħarisx lejn il-problemi tal-familji li għandhom bżonn bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol, u jqis lil kulħadd l-istess. Il-familji għandhom bżonn il-ħin aktar mill-flus, u dan ikun l-akbar investiment li Robert Abela ma jistax jassiguralhom minħabba li l-ħajja hija rota vvizzjata bil-ġenn tal-ekonomija li trodd lil min jiflaħ imma li tagħsar lil min huwa medju.

Infrastruttura u Ambjent

Fuq livell infrastrutturali, il-Gvern jagħmel il-kontradizzjoni klassika tiegħu: jitkellem fuq il-modernizzazzjoni, imma fl-istess waqt inaqqas €100 miljun min-nefqa kapitali. Ma hemmx strateġija serja dwar trasport tal-massa, il-problema tat-traffiku tibqa’ tinfirex, u l-kwalità tal-arja tkompli tmur għall-agħar. Billi jippromwovi proġetti b’ħafna konkos u ftit ħsieb ambjentali, il-Gvern juri li l-politika tiegħu tibqa’ mibnija fuq il-paroli u mhux fuq is-sustanza. Barra minn hekk, il-politika tal-overdevelopment, b’bini bla kontroll u pressjoni qawwija fuq ir-riżorsi naturali (li donnhom mhu se jispiċċaw qatt) qed toħloq pajjiż li mhux biss tilef l-identità tiegħu, imma qed jitlef ukoll is-saħħa ambjentali li fuqha jiddependi l-futur ekonomiku tiegħu stess.

Is-Saħħa u s-Servizzi Soċjali

Il-kriżi fis-settur tas-saħħa hija l-aktar xhieda ċara ta’ Gvern li jħobb jaħbi problemi taħt tapit. Is-servizzi tas-saħħa huma mgħobbija żżejjed, bil-pazjenti jistennew sigħat twal, u ħafna drabi ma jsibux mediċini out-of-stock.

Dan huwa sintomu ta’ nuqqas ta’ viżjoni fit-tul u ta’ pjan strateġiku sostenibbli biex jissaħħu r-riżorsi umani u infrastrutturali fis-settur mediku. Huwa evidenti għalkollox li l-Gvern jindirizza biss l-isfidi short-term u ma jħarisx lejn il-problemi li se nsibu ma’ wiċċna fis-snin li ġejjin. Fejn jaqbillu jitkellem fuq il-viżjoni 2050 imma fejn le, iwarrabha mix-xenarju politiku tal-pajjiż.

L-Edukazzjoni

L-edukazzjoni tibqa’ wieħed mill-akbar fallimenti ta’ dan il-baġit. Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ LSEs, il-klassijiet mingħajr ACs, u l-assenza ta’ riforma serja dwar l-SBAs huma kollha sinjali ta’ sistema li tilfet l-iskop tagħha.

L-istudenti u l-għalliema qed jitħallew mingħajr appoġġ adegwat, filwaqt l-MCAST tibqa’ tiġi ttrattata bħala istituzzjoni sekondarja meta mqabbla mal-Università. Ironikament, il-Gvern ma jirreferix għall-MFHEA u għalhekk mhux ikunu indirizzati l-problemi li għandha din l-awtorità u mhux se tkun irkuprata r-reputazzjoni tagħha fil-foras Ewropej. Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi Ewropej li għadha mhux membru sħiħ tal-ENQA u l-EQAR li huwa r-reġistru Ewropew għall-aġenziji u awtoritajiet tal-assigurazzjoni tal-kwalita’ Ewropea.

Dan mhux biss jaffettwa l-kwalità tal-edukazzjoni b’mod ġenerali, imma wkoll il-kompetittività tal-pajjiż. Malta mhux qed tinvesti fil-ħiliet li għandha bżonn biex taffaċċja l-ekonomija moderna.

Governanza u Etika

L-aktar parti allarmanti tibqa’ dik tal-governanza. Il-fatt li l-Gvern sab il-kuraġġ li jżid is-salarji tal-Ministri waqt li l-poplu qed iħossu mgħarraq fl-għoli tal-ħajja juri d-diskrepanza kbira bejn il-klassi politika u r-realtà tal-familji Maltin. L-etika pubblika saret kwistjoni sekondarja, u l-prijoritajiet tal-Gvern juru li l-poter issa sar għan fih innifsu aktar milli mezz biex jittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini.

B’mod ġenerali, dan il-baġit huwa dokument li jipprova jixgħel l-illużjoni ta’ progress iżda mingħajr direzzjoni reali. Huwa baġit li jħares lejn l-elezzjoni li jmiss, mhux lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. B’nefqa bla kontroll, b’politika ekonomika reattiva, u b’nuqqas ta’ viżjoni serja lejn l-edukazzjoni, l-ambjent, u l-governanza tajba, Malta tinsab f’riskju li titlef l-istabbiltà li għal snin twal kienet il-pedament tas-suċċess tagħha.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 29 ta’ Ottubru, 2025.