Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ħarġet ordni ta’ superviżjoni fil-konfront ta’ lil Karl Muscat, ta’ 29 sena minn San Ġiljan, wara li ammetta li kien fil-pussess ta’ ammont żgħir ta’ kokaina għall-użu personali. Huwa ma nstabx ħati li d-droga li kellu ma kienitx biss għal użu personali tiegħu.
Il-Qorti qalet li għandha d-dubji tagħha dwar kemm id-droga misjuba fil-pussess tal-imputat kienet intiża għall-użu esklussiv tiegħu. Madankollu n-nuqqas ta’ sejbien ta’ indizzji ulterjuri bħal per eżempju, qratas vojta, miżien sabiex tintiżen id-droga, fost indiżżji oħra li jeżonaraw l-intenzjoni ta’ traffikar, u kull dubju
għandu jimmilita favur l-imputat.
Fid-dawl ta’ dan, waqt illi l-Qorti qed issib illi ma tirriżultax il-prova dwar il-pussess aggravat u l-ħtija fl-imputat dwar l-ewwel akkuża hija dwar pussess sempliċi tad-droga kokaina. Il-każ imur lura għal Frar tal-2015, meta Muscat kien arrestat ġewwa l-Havana Club f’Paceville, fejn waqt tfittxija fil-kamra tat-toilet instabet fuqu borża bi trab abjad li rriżulta li kien kokaina ta’ purità ta’ 18% u piż ta’ 0.24 gramma, flimkien ma’ joint, tliet mobile phones, sikkina, pepper spray u €1,385 fi flus kontanti.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Pierre Grech akkużatu b’pussess sempliċi u aggravat ta’ kokaina kif ukoll pussess ta’ pjanta cannabis. Matul il-proċess instemgħu diversi xhieda, fosthom il-pulizija li arrestawh u esperti forensiċi li kkonfermaw in-natura tad-droga.
Ix-xhieda esperti mill-uffiċjal tal-probation u minn Caritas spjegaw li Muscat ilu snin ibati minn dipendenza fuq id-droga sa minn età żgħira, u li tilef lil missieru minn overdose meta kellu 13-il sena. Intqal ukoll li kien għaddej minn trattament mediku għal uġigħ kroniku fid-dahar u kellu preskrizzjoni għal użu ta’ cannabis medika.
Il-Qorti osservat li l-istqarrija li kien ta lill-pulizija ma setgħetx tintuża bħala prova peress li fl-2015 ma kienx għad daħal fis-seħħ id-dritt għal avukat waqt l-interrogatorju. Hija rrimarkat ukoll li l-ammont żgħir ta’ droga jindika li kienet għall-użu personali u mhux għall-bejgħ, u għalhekk ma sabitux ħati ta’ pussess aggravat.
Dwar il-joint, l-analiżi ma sabitx sustanza narkotika minħabba li kien diġà maħruq, u taħt il-liġi preżenti, pussess ta’ sa seba’ grammi cannabis għall-użu personali ma jammontax għal reat. Il-Qorti sabitu ħati biss ta’ pussess sempliċi ta’ kokaina u kkundannatu għal multa ta’ €125 u ordnat li jgawdi minn ordni ta’ trattament taħt superviżjoni għal tliet snin, sabiex jingħata għajnuna professjonali biex jegħleb id-dipendenza tiegħu.
Ġiet ordnata wkoll il-konfiska tas-somma ta’ €1,385 u d-distruzzjoni tad-droga elevata, filwaqt li kellu jħallas l-ispejjeż tal-kawża ta’ €688.61 fi żmien sitt xhur. Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-fedina penali aġġornata tal-imputat li għalkemm mhijiex netta lanqas ma hija xi waħda mill-aktar inkwetanti.
Qieset ukoll illi l-ammont ta’ droga fil-pussess tal-imputat kien wieħed minimu għall-aħħar. Il-Qorti enfasizzat li minkejja li l-piena kienet minima, Muscat għandu jieħu din l-opportunità biex jindirizza l-problema tad-droga tiegħu u jibda ħajja ġdida mingħajr il-vizzju. Is-sentenza effettivament bidlet każ li seta’ jwassal għal ħabs f’sanzjoni sospiża b’kundizzjoni ta’ trattament u rijabilitazzjoni. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Pierre Grech.
//= $special ?>

