Lokali Parlament

Robert Abela se jappoġġa l-‘EU Military Readiness Roadmap’


Il-Prim Ministru Robert Abela qal fil-parlament li Malta se tappoġġja bis-sħiħ it-tisħiħ tal-proġett tal-UE imsejjaħ 'EU Military Readiness Roadmap' iżda żied li dan irid isir mingħajr ma tiġi kompromessa n-newtralità Maltija jew mingħajr ma titqanqal l-industrija tal-armi li tipperpetwa l-kunflitt aktar milli l-paċi.

Fi stqarrija ministerjali fil-parlament il-Prim Ministru tkellem dwar is-summit tal-Kapijiet tal-gvernijiet tal-UE li saret il-ġimgħa li għaddiet, u qal li Malta se tkompli tikkontribwixxi b'mod kostruttiv għall-aġenda tad-difiża tal-UE permezz ta' koordinazzjoni ċivili-militari, sigurtà marittima, tħejjija għall-kriżijiet u protezzjoni ta' infrastruttura kritika fil-Mediterran.

Il-Prim Ministru Abela qal li x-xenarju tas-sigurtà mibdul, kien immarkat mill-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna u l-attakki ċibernetiċi waqt li enfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa tiddependi fuqha nnifisha għas-sigurtà.

Dwar l-Ukrajna, Abela tenna s-solidarjetà ta' Malta mal-poplu Ukren u l-appoġġ tagħha għan-negozjati tal-paċi.