Wara iktar minn tnax-il sena, se terġa’ tittella’ l-Festa tal-Qara’ Aħmar fil-Manikata, fit-2 ta’ Novembru bejn l-10:00 am u l-4:00 pm.
Din il-festa, tfakkar l-identità agrikola u r-rabta mal-biedja lokali li dejjem ikkaratterizzat il-Manikata u qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa b’kollaborazzjoni mal-Għaqda San Ġużepp Manikata.
L-attivita se toffri ġurnata divertenti mimlija kant, żfin, ikel tradizzjonali, prodotti lokali u attivitajiet għall-familja kollha.
Il-programm ta’ dan l-avveniment jinkludi:
- Il-parata tal-Mellieħa Scout Group
- Wirja miċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva Mellieħa
- Żfin mill-Artemocion Dance & Leisure Studio
- Eżibizzjonijiet u kant minn Alexia Micallef, Christina Briffa, Alexia Farrugia, Emma Cutajar, Thea Gauci, Mirielle Borg, Karl Lewis, u l-JAJA Band
- U kunċert speċjali minn Freddie Portelli.
It-tfal se jkollhom opportunità jieħdu sehem f’logħob, filwaqt li l-familji jkunu jistgħu jduqu ikel tradizzjonali bil-qara’ bħal sopop, torti u delizzji ħelwin magħmula mill-prodotti tal-biedja lokali.
Il-festa se sservi wkoll bħala pjattaforma ta’ rikonoxximent għall-bdiewa u l-produtturi taz-zona, li għal snin twal żammew ħaj l-ispirtu agrikolu tal-Manikata. Se jkun hemm ukoll wirjiet ta’ artiġjanat, prodotti naturali u “ingenji” lokali, biex jitħeġġeġ ix-xiri dirett mingħand il-produtturi.
Fid-diskors tiegħu, is-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din il-festa qed terġa’ ssir fil-Manikata wara tant snin ta’ nuqqas. Huwa tenna: ” Wara aktar minn 12-il sena, kburin li erġgħajna ġibna din il-festa fil-qalba tal-Manikata. Irridu nkomplu nsaħħu dawn it-tradizzjonijiet, speċjalment fost iż-żgħażagħ, biex ma jintilfux iżda jitkattru maż-żmien.”
Il-Kunsill Lokali Mellieħa jħeġġeġ lill-pubbliku jattendi u jieħu sehem f’din l-attività li tkompli tixhed l-impenn tiegħu biex jerġa’ jqajjem attivitajiet kulturali u rurali li jsaħħu l-identità tal-lokalità u jpoġġu lill-Manikata fuq quddiem nett bħala eżempju ta’ sostenibbiltà u kooperazzjoni komunitarja.
//= $special ?>

