Lokali Qorti

Tlett irġiel mixlija bi traffikar ta’ droga minn remissa fil-Marsa jinżammu arrestati

Tlett irġiel akkużati bi traffikar ta’ droga minn remissa fil-Marsa nżammu arrestati wara li l-Qorti ma laqgħetx it-talba biex dawn jingħataw il-ħelsien mil-arrest.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, semgħet ta’ traffikar u pussess ta’ droga eroina u kokaina mhux għal użu personali. Il-prosekuzzjoni qalet li l-ammont ta’ droga kienet ta’ 100 gramma.

Gianluca Abela, ta’ 27 sena minn Bormla u li jaħdem bħala furnar; Edward Borg, 38 sena minn Marsascala li għandu ħanut; u Sean Grima, 38 sena minn Fgura li ma jaħdimx; kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

L-akkużi jinvolvu eroina u kokaina u jinvolvu wkoll li l-akkużati assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra biex iwettqu dawn ir-reati.

Il-prosekuzzjoni kienet rappreżentata mill-Ispettur Alfredo Mangion u l-Avukat Julian Scicluna, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li d-difiża kienet rappreżentata minn Franco Debono, Anthea Bonnici Zammit, Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera.

Il-Qorti semgħet il-prosekuzzjoni tispjega li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u hemm numru ta’ xhieda li għad iridu jiddeponu. Għaldaqstant, il-Qorti mhux biss ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest, iżda fl-istess ħin ordnat qbid u ffriżar tal-assi tal-akkużati.

Il-prosekuzzjoni enfasizzat il-gravità tal-każ, speċjalment minħabba li f’post speċifiku kienu jinżammu ż-żwiemel u l-post intuża biex jiġu ttrattati klijenti għall-bejgħ tad-droga, u diversi persuni kienu preżenti fil-mument tal-arrest.

L-Ispettur Mangion li oppona bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati qal li xi ħaġa li mpressjonatu kienet li meta mar fuq il-post, kien hemm vittmi tad-droga li marru jistaqsu lilu biex jixtru u semmew lill-akkużati.

Fl-intervent tad-difiża, l-avukati argumentaw li l-akkużati għandhom kondotta nadifa. L-Avukat Franco Debono qal li Edward Borg, li għandu 38 sena; huwa deskritt bħala persuna b’kondotta tajba u netta u li jkun preżunt innoċenti sakemm jintwera kontrih ħtija. Qal li jekk it-talba għall-ħelsien mill-arrest ma tintlaqax ikun persuna b’kondotta nadifa li jispiċċa l-ħabs mingħajr lanqas biss għadu ġudikat.

Dr. Debono qal li fil-konfront ta’ Sean Grima, kellu biss każi preċedenti fl-2013 u 2019, b’tal-aħħar ikun każ ta’ traffikar. Ingħad ukoll mill-Avukat Matthew Xuereb li Gianluca Abela dejjem obda l-kundizzjonijiet tal-Qorti u għandu xogħol fiss bħala furnar.

L-avukati enfasizzaw li f’każi simili fejn il-persuni kienu akkużati, il-Qorti tippreferi tagħti probation jew ordnijiet alternattivi minflok il-ħabs effettiv, speċjalment meta l-persuna għandha kondotta tajba u hija disposta tikkopera mal-Qorti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu dettaljati u inkludev diversi arresti. Il-prosekuzzjoni qalet li Edward Borg ħarab mill-post u ġie arrestat wara, waqt li saret tfittxija fid-dar tiegħu u ma nstab xejn. Tenna li d-droga li nstabet fir-remissa kienet ippakkjata f’madwar 200 qartas u kienet tiġri ma’ kullimkien. Qal li Sean Grima ġie arrestat mir-remissa.

Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata mid-difiża. Il-Qorti semgħet ukoll li hemm persuna oħra li tinsab l-isptar u hija taħt arrest għal raġunijiet relatati, u li l-prosekuzzjoni għandha xhieda essenzjali li għandhom jiddeponu mingħajr dewmien biex tiġi kompletata l-investigazzjoni.

Fil-konklużjoni, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba l-importanza ta’ xhieda addizzjonali u l-gravità tal-każ, inkluż il-fatt li xi akkużati huma reċidivi u oħrajn għadhom involuti f’attivitajiet kriminali.

Il-Qorti ordnat ukoll il-qbid u l-iffriżar tal-assi tal-akkużati biex tipprevjeni aktar attività kriminali u biex tiżgura li l-prosekuzzjoni tista’ tkompli bl-investigazzjonijiet mingħajr ostakli. Għal Gianluca Abela qegħdin jidhru l-Avukati Matthew Xuereb, Alex Scerri Herrera u Franco Debono.

Għal Edward Borg u Sean Zammit qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Anthea Bonnici Zammit. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion u l-Avukat Julian Scicluna, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.