Qabel il-bidu ta’ match day 11, li se tkun qed tintlagħab bejn nhar is-Sibt u nhar il-Ħadd li ġej, s’issa għadna konferma ta’ erba’ mis-sitt timijiet li se jilgħabu fit-Top Six tal-Opening Round. Wara Floriana u Valletta, f’match day 10, bir-rebħiet li kisbu Ħamrun Spartans u Sliema Wanderers rispettivament, dawn ukoll aċċertaw minn post matematiku mal-ewwel sitta tal-Opening Round, fit-tieni fażi ta’ dan l-ewwel Kampjonat minn tnejn tal-Malta Premier 2025/26.
Fadal żewġ postijiet oħra vakanti għal min se jkun qed jilgħab mal-ewwel sitta, u skont ir-riżultati li se jkolna s-Sibt, jista’ jagħti l-każ li jkolna tmiem drammatiku jew saħanistra ma jkolnix konferma tat-timijiet kollha li se jkunu qed jilgħabu Top Six fl-Opening Round peress li teżisti possibiltá ta’ decider. It-timijiet li għadhom qed jittamaw li jagħmluha mal-ewwel sitta huma Marsaxlokk, Birkirkara u Hibernians.
L-għaxar ġurnata tal-Malta Premier rat lil Ħamrun Spartans juru l-aqwa tagħhom, u wara d-draw diżappuntanti kontra Naxxar Lions, dawn għelbu lill-leaders tal-Malta Premoer, Floriana 3-1. B’dan ir-riżultat, Ħamrun Spartans mhux biss taw konferma tal-potenzjal tagħhom, iżda waqfu l-mixja pożittiva tal-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Portugiż, Daniel Portela u wara ħames rebħiet konsekuttivi, li matulhom soffrew biss żewġ gowls, kontra ċ-champions tal-aħħar tliet staġuni, Floriana sabu lill-eks plejer tagħhom, l-internazzjonali Malti, Matías García bħala l-akbar bojja tagħhom, meta skorja tnejn mit-tliet gowls ta’ Ħamrun Spartans.

Ritratt ta’ Joseph Galea
Fil-veritá din kienet partita ekwilibrata, bid-differenza li Ħamrun Spartans kienu kapaċi jisfruttaw l-okkazzjonijiet ta’ skor li ġew fuq in-naħa tagħhom tul id-90 minuta. Interessanti l-fatt li l-xG ta’ Floriana, il-metrika li tikkalkula l-probabiltá ta’ gowl minn tim fil-partita, kien aktar għoli minn dak tal-avversarji. Dan jikkonferma li Floriana għal xi raġuni ma rrnexxilhomx jikkonkludu b’suċċess kull darba li kienu quddiem il-lasti ta’ Henry Bonello.
Floriana saħansitra ddomminaw il-pussess tul il-partita, b’persentaġġ ta’ 64% tal-ballun f’saqajhom kontra s-36% tal-pusses li gawdew minhu Ħamrun Spartans.
Iżda kif dejjem ngħidu, dak li jgħodd fil-futbol hu l-ammont ta’ gowls li jirnexxilek tiskorja u meta tqis kollox, Ħamrun Spartans kien jimmerithom jirbħu l-partita, anke għaliex wieħed ma jridx jinsa li l-iskwadra ta’ Giacomo Modica lagħbet għal kważi taqsima sħiħa, bi plejer anqas meta fil-51 minuta tkeċċa b’ħamra diretta, il-Brażiljan ta’ esperjenza, Eder. Bl-iskor 3-0 favur Ħamrun Spartans, xorta waħda wieħed kien jistenna reazzjoni aħjar minn Floriana, iżda minflok sabu lil Ħamrun Spartans, tattikament dixxiplinati fid-difiża u għamlu min kollox biex jagħlqu l-ispazji fl-attakk ta’ Floriana.

Il-klassifika attwali tal-Malta Premier wara li kull tim lagħab għaxar partiti mill-bidu tal-Kampjonat
B’dan ir-riżultat, Floriana jibqgħu l-ewwel fil-klassifika, iżda m’għadhomx waħedhom. Huma ġew milħuqa minn Valletta, li f’din il-match day, estednew il-mixja tagħhom ta’ partiti mingħajr telf, hekk kif l-iskwadra ta’ Thane Micallef hija l-unika waħda li għadha mingħajr telfa.
Valletta temmew draw ta’ 1-1 kontra Gżira United, hekk kif dawn tal-aħħar komplew juru sinjali poiżittivi taħt it-tmexxija l-ġdida tal-kowċ Darren Abdilla. Minkejja li l-aħħar partiti taw riżultati tajbin lill-maroons, dawn xorta waħda ma kienux biżżejjed biex jevitaw milli jilgħabu mal-aħħar sitta tal-Malta Premier, fl-Opening Round.
Sliema Wanderers kien ir-raba’ tim li għamilha b’ċertezza għal mal-ewwel sitta. Qabel ma jilgħabu l-konfront dirett kontra r-rivali eterni Floriana, Sliema Wanderers rebħu 3-2 kontra Hibernians, f’konfront missielet, biex komplew iżidu mal-kriżi tal-Pawlisti u għat-tielet logħba konsekuttiva, it-tim ta’ Paul Zammit rebaħ punt jew tlieta, biex preżentament jinsab fir-raba’ post tal-klassifika; erba’ punti taħt il-co-leaders Valletta u Floriana.

Sliema Wanderers jiċċelebraw wieħed mil-gowls li skorjaw kontra Hibernians fir-rebħa ta’ 3-2 (ritratt ta’ Sliema Wanderers)
Fit-tieni nofs tal-klassifika, spikkat ir-rebħa ta’ Mosta, li wara seba’ partiti konsekuttivi mingħajr rebħ ta’ tliet punti, huma rebħu d-derby kontra Naxxar Lions bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Rebħ ta’ tliet punti li xorta m’humiex biżżejjed biex Mosta ma jilgħabux mal-aħħar sitta, u wara li staġun ilu kienu impressjonaw bil-kbir meta kemm fl-Opening Round kif ukoll fil-Closing Round kienu għaddew għal mal-ewwel sitta, din id-darba, tal-anqas fl-ewwel Kampjonat minn tnejn, se jilgħabu mal-aħħar sitta.

Mosta jiċċelebraw ir-rebħ tad-derby kontra Naxxar Lions
Għaldaqstant b’diversi verdetti diġa’ saru magħrufa, dan il-weekend xorta għandu jibqa’ wieħed interessanti u mistenni, speċjalment biex naraw min se jispiċċa barra mit-Top Six bejn Marsaxlokk, Birkirkara u Hibernians.
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		