Lokali Qorti

Care workers jingħataw sentenza sospiża wara li trattaw ħażin resident b’diżabbiltà severa

Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, ikkundannat lill-care workers Andrew Debono u Andrea Anton Joanne Cilia għal sena ħabs sospiża għal sentejn, wara li nstabu ħatja li użaw forza eċċessiva fuq resident vulnerabbli b’diżabbiltà mentali u fiżika severa f’Dar Arka, f’Għajnsielem.

Iż-żewġ imputati ġew ukoll ordnati jħallsu €385.96 kull wieħed għall-ispejjeż tal-esperti u ġew marbuta taħt obbligazzjoni ta’ sena taħt penali ta’ €1,000 sabiex ma jerġgħux jikkommettu reat. L-inċident seħħ fl-1 ta’ Mejju 2023 meta l-vittma, adult b’awtiżmu u diżabbiltà intelletwali severa, allegatament ġie trattat b’mod ħażin minn Debono u Cilia waqt li kienu jaħdmu bħala carers f’din id-dar.

Skont il-provi, Cilia tat daqqa lill-vittma bil-karkur tagħha u mbottatu wara argument minuri dwar siġġu, waqt li Debono, meta rritorna mid-dmirijiet barra d-dar, għajjat miegħu u refa’ jdejh fuqu mingħajr provokazzjoni diretta.

Il-każ ġie rrapurtat wara li l-amministrazzjoni kienet irċeviet informazzjoni dwar l-abbuż.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mis-Supretendent Bernard Charles Spiteri, filwaqt li xhieda minn diversi carers u membri tal-istaff ikkonfermaw dak li deher fil-filmati tas-CCTV, li ġew ippreżentati bħala prova quddiem il-Qorti.

Id-difiża qajmet eċċezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tal-filmati, iżda l-Qorti ċaħditilhom l-argument, billi qalet li l-kopji tal-filmati ġew ikkonfermati mill-persuna li għamlithom u li l-awtenċità tagħhom ġiet sostnuta minn xhieda oħra. Il-Qorti osservat li l-vidjows kienu “prova valida u affidabbli” u juru b’mod ċar kif iż-żewġ akkużati ġabu ruħhom b’mod mhux xieraq mal-pazjent.

Il-Maġistrat Grech tenna li l-vittma kien “persuna kompletament dipendenti fuq oħrajn għall-bżonnijiet tiegħu” u li l-aġir tal-akkużati kien “abbuż ta’ fiduċja gravi”, billi huma kellhom responsabbiltà professjonali li jipprovdu kura u mhux vjolenza.

Minkejja li kellhom fedina penali nadifa, il-Qorti ma setgħetx tinjora l-gravità tar-reat, iżda xorta ddeċidiet li tagħtihom sentenza sospiża, billi l-imputati ma għadhomx impjegati ma’ Dar Arka u ma jidhirx li se jkunu aktar riskju għal persuni vulnerabbli.

Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba biex tapplika miżuri ta’ ordni ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 382A tal-Kodiċi Kriminali, iżda ordnat obbligazzjoni taħt l-Artikolu 383 biex tiġi garantita s-sigurtà tal-vittma u żżomm il-bon ordni pubbliku.