Internazzjonali Unjoni Ewropea

Casa jressaq proposti għal riforma tal-midja, ‘riforma li missa ilha li saret’

“Tmien snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, wara għadd kbir ta’ sejħiet minn ġurnalisti, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet Ewropej, u l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tagħha, hi r-responsabbilità tal-Gvern Malti li jieħu azzjoni effettiva biex itejjeb l-ambjent tax-xogħol tal-ġurnalisti.”

Il-Kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parliament Ewropew, l-MEP David Casa, ikkritika d-dewmien tar-riforma tal-midja u ressaq proposti konkreti f’konformità ma’ standards internazzjonali. Casa appoġġa s-sejħa awtorevoli minn sensiela ta’ organizzazzjonijiet tal-istampa maħruġa fl-anniversarju tal-qtil ta’ Daphne u żied li “kien ilu ċar għal snin sħaħ x’jeħtieġ li jsir mill-gvern biex itejjeb l-ambjent tax-xogħol tal-ġurnalisti”.

Fost miżuri oħra, Casa appella għal protezzjoni kostituzzjonali, l-estensjoni tal-protezzjonijiet kontra s-SLAPP għal każijiet purament domestiċi, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, l-implimentazzjoni bona fide tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Daphne, reġim tal-Libertà tal-Informazzjoni aktar b’saħħtu u li jnaqqas deċiżjonijiet arbitrarji, u rispons effettiv tal-Pulizija fejn jidħol theddid tal-ġurnalisti u azzjoni dwar l-istejjer tagħhom.

Casa enfasizza li “kwalunkwe riforma sinifikanti f’dawn l-aħħar snin ġiet mill-Ewropa, mhux minn Kastilja. Il-ġurnalisti huma aktar protetti mill-kawżi SLAPP minħabba pressjoni domestika u internazzjonali bla waqfien — mhux minħabba li l-Gvern finalment irrikonoxxa d-dmir tiegħu li jipproteġi lill-ġurnalisti.

“Il-pjan ta’ azzjoni ilu jeżisti mill-qtil ta’ Daphne. Is-soċjetà ċivili, il-midja u l-imsieħba Ewropej ilhom tmien snin jgħidu x’għandu jsir. L-uniku element nieqes kien ir-rieda politika tal-gvern Malti.

“Ir-rekord tal-Gvern dwar il-libertà tal-medja huwa wieħed ta’ dewmien, ostruzzjoni, u spin,” qal Casa. “Din il-konsultazzjoni m’għandhiex issir eżerċizzju ieħor ta’ mmarkar tal-kaxxi. Il-ballun huwa — għal darb’oħra — f’idejn il-Gvern Malti.”

Casa kien l-ewwel MPE li għamel kampanja għal-leġiżlazzjoni Ewropea kontra s-SLAPPs. Il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riforma tal-Medja hija miftuħa sa għada.