Id-direzzjoni hi, li qed nistennew l-istudji. Kien dan il-mod li bih wieġeb is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul għad domandi persistenti li qed isiru dwar l-urġenza li pajjiżna jmur għal sistema ta’ trasport tal-massa – sistema li intesiet kompletament fil-Budget li preżenta l-Gvern.
Waqt il-programm NETLIVE, Andy Ellul prova jtaffi mill-ħsara kbira li saret bil-pożizzjonijiet opposti li ħadu l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi. Tant li Andy Ellul iddikjara li Clyde Caruana tkellem b’mod responsabbli. Biex imbgħad, ftit wara, stqarr li għadhom qed jistennew l-istudji dwar it-trasport tal-massa – meta lanqas dan il-punt ma ssemma’ fil-Budget.
Fl-istess programm fuq Net TV, id-deputat Darren Carabott insista li l-Budget għall-2026 ma ndirizzax il-kriżi tat-traffiku.
Darren Carabott wera ukoll kif il-Gvern m’għandu ebda studju dwar l-ammont ta’ ħaddiema barranin li se jiżdiedu fit-tliet snin li ġejjin.
Waqt il-programm, Andy Ellul ma wieġeb xejn dwar il-kritika li saret minn uffiċjal tal-għaqda Nisa Laburisti rigward il-prezzijiet tal-propjetà. Meta din it-tfajla staqsiet pubblikament: fejn se nrabbuha l-familja? Fil-kaxxi tas-sulfarini? – dan b’referenza għall-appartamenti tal-lum il-ġurnata, u l-fatt li ħafna qed isibuha diffiċli immens biex jixtru post tagħhom.
//= $special ?>
