Il-Bank of Valletta rreġistra prestazzjoni b’saħħitha fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025, u rrapporta qligħ qabel it-taxxa ta’ €192.1 miljun, bit-total tal-assi jaqbeż is-€16-il biljun.
F’dan il-perjodu kompliet tikber il-karta tal-bilanċ, issaħħet il-kwalità tal-assi, kiber id-dħul mill-operat sena fuq sena, u tnedew b’suċċess diversi inizjattivi strateġiċi, fosthom il-programm ta’ xiri lura tal-ishma u l-introduzzjoni fis-suq bħala intermedjarju tal-assigurazzjoni ġenerali.
Il-Grupp jibqa’ wkoll f’qagħda tajba li jilħaq il-mira li sal-aħħar tal-2025 jirreġistra qligħ qabel it-taxxa f’firxa ta’ bejn €215-il miljun u €250 miljun, kif diġà kien imbassar. B’impenn lejn l-obbligu li jżid il-valur lill-azzjonisti, il-Bank mistenni li jżomm mal-politika li fassal, li għandha twassal biex iqassam sa 50% tal-profitti wara t-taxxa, ladarba l-kundizzjonijiet tas-suq jibqgħu favorevoli.

Iċ-Chairperson Dr Gordon Cordina, fil-kummenti tiegħu dwar il-prestazzjoni tal-Bank sa dan il-perjodu qal: “Ninsab kuntent li nara l-Grupp BOV isostni l-prestazzjoni tiegħu tul l-ewwel disa’ xhur tas-sena, xhieda tal-impenn tagħna lejn tkabbir sostenibbli, ġestjoni tar-riskju prudenti, ottimizzazzjoni tal-kapital u ħolqien ta’ valur għall-azzjonisti.
Qed inkomplu ninnavigaw minn qalb bosta sfidi kawża ta’ xenarju ġeopolitiku inċert, ċaqliq fir-rata tal-imgħax mill-Bank Ċentrali Ewropew, u żviluppi ekonomiċi internazzjonali. Minkejja dawn l-isfidi, il-prestazzjoni tagħna baqgħet b’saħħitha. Ir-riżultati jirriflettu eżekuzzjoni dixxiplinata tal-istrateġija tagħna, b’investiment iffukat fuq it-teknoloġija, it-talent, u d-diversifikazzjoni tal-prodotti.
Il-Grupp BOV ikompli jonora l-impenn tiegħu li jiddiversifika, ikun innovattiv u jappoġġja s-suq permezz ta’ numru ta’ inizjattivi strateġiċi. F’Awwissu, il-BOV kien l-ewwel istituzzjoni finanzjarja f’Malta li nieda programm regolat ta’ xiri lura ta’ ishma, maħsub apposta biex itejjeb il-likwidità tas-suq, jipprovdi alternattiva ta’ bejgħ lill-azzjonisti li jkunu jixtiequ li jbigħu l-ishma tagħhom bi prezz raġonevoli, u jsaħħaħ il-valur fit-tul tal-azzjonisti.
Barra minn hekk, matul it-tielet kwart tas-sena, nedejna firxa komprensiva ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni ġenerali, b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ Mapfre Middlesea. Il-Bank irċieva wkoll l-approvazzjoni mill-MFSA għall-Programm ta’ Bonds Mhux Garantiti fil-Munita Ewro għal Terminu Medju sa massimu ta’ €325 miljun, inizjattiva mmirata biex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni MREL tal-Bank, tagħmel l-aħjar użu mill-istruttura tal-kapital, u tiżgura li l-Bank ikun preparat biex jappoġġja t-tkabbir sostenibbli u r-reżiljenza regolatorja. Hekk kif inħarsu ’l quddiem, nibqgħu ffukati li nwasslu valur sostenibbli lill-azzjonisti tagħna, ngħinu lill-klijenti tan-negozju u dawk personali kif ukoll nikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija Maltija.”
Prestazzjoni b’saħħitha

Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, kompla fuq il-kummenti ta’ Dr Cordina, billi nnota li l-Bank of Valletta qed ikompli jirreġistra prestazzjoni b’saħħitha, f’konformità mal-aspettattivi stabbiliti fil-bidu tas-sena. “Bi pjaċir ninnota s-saħħa tan-negozju ewlieni tagħna, l-espansjoni tal-karta tal-bilanċ, titjib fil-kwalità tal-assi, u l-qagħda robusta ta’ kapital u likwidità.
Il-klijenti tagħna jkomplu jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-Bank. Depożiti b’saħħithom kemm minn klijenti personali kif ukoll minn dawk korporattivi jirriflettu l-fiduċja fis-suq u l-kapaċità tal-Bank li jattira u jżomm il-likwidità, filwaqt li l-portafoll tal-kreditu tagħna ikompli jikber fl-oqsma ewlenin kollha. Qed inkomplu nsaħħu l-attività ta’ investiment tagħna, bir-riorganizzazzjoni strateġika tal-likwidità f’assi li jġorru l-imgħax aktar fit-tul tkompli matul dan il-perjodu. L-isforzi tagħna biex niddiversifikaw, kif enfasizzat miċ-Chairperson, qed jgħinu lill-Grupp iżomm flussi ta’ introjtu reżiljenti, anke f’ambjent ta’ rata tal-imgħax li qed tonqos.
Iż-żidiet fl-ispejjeż jirriflettu l-ispinta strateġika tagħna, b’investiment fl-akkwist u ż-żamma tat-talent, kif ukoll titjib teknoloġiku mmirat biex jixpruna l-innovazzjoni, l-effiċjenza operattiva u l-esperjenza mtejba tal-klijent. Il-Bank kompla jwettaq l-istrateġija 2024–2026 b’momentum stabbli. Matul it-tielet kwart tal-2025 iffukajna fuq il-ġestjoni tal-eżekuzzjoni, b’enfasi fuq it-tlestija ta’ inizjattivi li jixprunaw l-effiċjenza fit-twassil tas-servizzi tal-Bank. Bħala parti mill-pjan strateġiku tagħna, qed navvanzaw b’mod attiv il-programm tagħna ta’ trasformazzjoni diġitali biex inwasslu konvenjenza u aġilità finanzjarja msaħħa kemm għall-klijenti personali kif ukoll għal dawk tan-negozju. Bħala sostenituri tal-benesseri finanzjarji fit-tul, nibqgħu impenjati li jkollna rwol ewlieni fis-suq tal-pensjonijiet u nkabbru s-sehem tagħna mis-suq fl-Iskemi tat-Tieni u t-Tielet Pilastru.
Matul it-tielet kwart tal-2025, il-Bank kompla jsaħħaħ l-istrateġija tal-ESG u r-rwol tiegħu fit-tranżizzjoni ekonomika sostenibbli ta’ Malta. Il-Bank irreveda l-miri ta’ finanzjament ekoloġiku tiegħu, estenda l-għajnuna għal proġetti sostenibbli lill-klijenti personali u kummerċjali, u kompla jirreġistra progress fil-Pjan ta’ Tranżizzjoni Klimatika skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar ta’ Sostenibbiltà Korporattiva (CSRD).
Il-Bank ikompli jappoġġa wkoll il-komunitajiet lokali permezz tal-Programm tas-CSR tiegħu u l-inizjattivi mmexxija mill-Fondazzjoni BOV. Bi pjaċir nara lill-Bank jiġi onorat mill-World Savings and Retail Banking Institute (WSBI) u l-European Savings and Retail Banking Group (ESBG) għall-irwol attiv tiegħu fil-finanzjament sostenibbli, il-promozzjoni tal-inklużjoni finanzjarja u l-inizjattivi favur il-komunità. Dan il-premju jenfasizza l-influwenza dejjem akbar tal-BOV fit-tiswir ta’ prattiki bankarji responsabbli f’Malta u lil hinn minnha.
Hekk kif inħarsu ’l quddiem, il-Bank of Valletta jkompli bl-isforzi tiegħu li jsostni l-prestazzjoni u t-tkabbir, imexxi bl-eżempju, jintegra s-sostenibbiltà fl-oqsma kollha tal-operat u jafferma r-rwol tiegħu bħala l-Bank tal-Għażla f’Malta.”
//= $special ?>

