Lokali

Il-Gvern jibqa’ jipproteġi lil Johann Grech dwar it-tberbiq tal-miljuni minn flus il-poplu – PN

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi trasparenza u responsabbiltà

Skont il-Gvern, il-poplu m’għandux dritt ikun jaf fejn marru €7,200,000 mit-taxxi tal-poplu.

Dan hu evidenti fil-mod kif id-Deputati Laburisti fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) qed jagħmlu kulma jistgħu biex ixekklu l-investigazzjoni li qed issir biex tingħata spjegazzjoni dwar kif intefqu dawn il-miljuni mill-Film Commission.

Ilbieraħ, fil-PAC, il-membri tal-Gvern reġgħu vvutaw biex iwaqqfu l-investigazzjoni dwar din in-nefqa ta’ miljuni ta’ ewro f’fondi pubbliċi minkejja ruling tal-Ispeaker li l-Kumitat seta’ jerġa’ jibgħat għal Johann Grech biex jitlob mingħandu d-dettalji dwar kif intefqu dawn il-flus.

Dan intqal fi stqarrija miċ-Chairperson tal-PAC u Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott, mid-Deputat tal-PN fil-PAC u Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u l-Fondi Ewropej Graham Bencini, mid-Deputat tal-PN fil-PAC u Shadow Minister għall-Isport u l-Volontarjat David Agius u mix-Shadow Minister għall-Kultura u l-Ekonomija Kreattiva Julie Zahra.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha l-mod kif il-Gvern qed jipproteġi lil Johann Grech u qed jagħmel minn kollox biex jevita skrutinju pubbliku dwar il-miljuni ta’ ewro fi flus tal-poplu li ntefqu mill-Kummissjoni tal-Films mingħajr trasparenza u mingħajr ma wasslu għal xi tip ta’ riżultati konkreti.

Huma qalu li l-fatt li l-fond tal-Film Commission fil-Budget 2026 ġie mnaqqas b’mod sostanzjali hu konferma mill-Gvern innifsu li n-nefqa kbira li saret taħt Johann Grech ma kinitx ġustifikata.

Hija ħasra li dak li beda Gvern Nazzjonalista f’din l-industrija, issa sar biss skuża biex jitberbqu l-flus mingħajr ma l-poplu jew il-pajjiż qatt jaraw ritorn sostenibbli fuq din in-nefqa. Il-Film Commission saret għodda ta’ marketing għal persuna waħda minflok strument biex verament tgħin lill-industrija tal-film f’pajjiżna.

Filwaqt li miljuni ntefqu fuq avvenimenti lussużi, kampanji ta’ promozzjoni għal individwi u vjaġġi barra minn Malta, il-ħaddiema u l-artisti Maltin tħallew ifendu għal rashom bi ftit li xejn għajnuniet.

Minflok jinħela jiddefendi n-nefqa bla rażan, il-Gvern għandu jispjega għaliex  dawn il-fondi ma ntużawx biex ikabbru l-potenzjal veru tat-talent Malti, għal produzzjonijiet lokali, għal taħriġ professjonali, u biex jagħtu aktar opportunitajiet biex l-artisti tagħna juru x-xogħol tagħhom barra minn Malta.

Meta l-Kumitat tal-Parlament dwar il-Kontijiet Pubbliċi jiġi mfixkel minn membri tal-Gvern biex ma jagħmilx xogħlu, il-Gvern ikun qed jgħid lin-nies li l-mod kif jintefqu flusu mhux biċċa tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li:

  1. Il-Gvern jippubblika rendikont dettaljat tan-nefqa kollha tal-Film Commission fl-aħħar snin;
  2. Il-PAC jerġa’ jiftaħ l-investigazzjoni fuq in-nefqa mhux spjegata ta’ €7.2 miljun;
  3. Jingħata rendikont ta’ kif intefqu s-€7.2 miljun, bid-dettalji tad-data tal-ħlas, breakdown tal-ammonti, lil min tħallsu, x’kien ix-xogħol li sar u kopji tal-invoices;
  4. Il-fondi tal-films jintużaw biex jgħinu lill-artisti Maltin, mhux biex jiġu ffinanzjati proġetti ta’ propaganda u promozzjoni personali.

Pajjiżna għandu bżonn politika li verament tqajjem l-industrija kreattiva. Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-artist Malti. Kien hu li waqqaf din l-industrija u investa biex ikabbarha. Il-PN jemmen li l-industrija tal-films għandha potenzjal enormi biex tikber, biex toħloq l-impjiegi, biex tattira investiment u tħarreġ talent Malti. Iżda dan ma jistax iseħħ jekk il-flus pubbliċi jkomplu jintefqu bla pjan u bla rendikont.

Gvern li jħossu komdu jżomm kollox moħbi dwar nefqa ta’ €7,200,000 ma jistax jitkellem fuq governanza tajba jew serjetà fit-tmexxija.

Malta jistħoqqilha tmexxija li tħares l-interess tal-artist, tal-industrija u tal-poplu, u mhux tal-individwi.