Knisja Lokali

Il-Knisja ta’ Malta tiċċelebra l-Ġublew ta’ dawk li tilfu lil min hu għażiż għalihom

Nhar is-Sibt, l-1 ta’ Novembru 2025, fid-9:30am, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil-Festa tal-Qaddisin Kollha fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Dakinhar jitfakkar ukoll il-75 sena mid-Domma tat-Tlugħ fis-Sema tal-Imqaddsa Verġni Marija Assunta.

L-għada l-Ħadd, 2 ta’ Novembru, fid-9:30am, Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa b’suffraġju għall-mejtin kollha waqt il-Ġublew ta’ dawk li tilfu lil min hu għażiż għalihom fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan.

It-Tlieta, 4 ta’ Novembru, fis-6pm, Mons. Arċisqof se jmexxi quddiesa għall-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi li mietu fl-aħħar 12-il xahar. Din il-quddiesa ssir kull sena fl-ewwel Tlieta ta’ Novembru biex tonora u tfakkar lil dawn ħutna li ddedikaw ħajjithom għas-servizz tal-Mulej u tal-oħrajn. Fil-bidu jinqraw l-ismijiet tas-saċerdoti, il-patrijiet u s-sorijiet li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem minn Novembru li għadda.

L-Insara huma mħeġġa sabiex f’dawn il-ġranet jattendu għall-quddies u jitolbu għall-għeżież tagħhom u għall-erwieħ kollha.