Permezz ta’ stqarrija, il-Malta Dementia Society sostniet li hi temmen b’mod sħiħ li kull persuna li tgħix bid-dimenzja għandha d-dritt li tiġi ttrattata b’dinjità, rispett u kompassjoni. Il-missjoni tagħhom hija li jibnu soċjetà li tassew tifhem, taċċetta u tappoġġja lil dawk affettwati bid-dimenzja, u li tiżgura li dawn l-individwi u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għar-riżorsi meħtieġa biex jgħixu ħajja sinifikanti u sodisfaċenti.
Il-Malta Dementia Society tinsab profondament imnikkta bl-avvenimenti traġiċi reċenti li affettwaw il-ħajja ta’ persuni li jgħixu bid-dimenzja u tal-familji tagħhom. Huma wasslu l-kondoljanzi sinċieri tagħhom lill-familja milquta f’dan il-mument diffiċli, filwaqt li ħeġġet ukoll għal sensittività lejn dawk kollha involuti.
Il-Malta Dementia Society irrikonoxxiet li hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti u sostenibbli b’urġenza sabiex jiġi żgurat kura speċjalizzata u ta’ kwalità għolja għad-dimenzja. Kull individwu għandu d-dritt li jkun sigur u protett waqt li jirċievi servizzi ta’ kura, u kwalunkwe nuqqas li jżomm dan l-istandard huwa inaċċettabbli. Huma qalu li filwaqt li jħossu r-rispett lejn il-proċeduri tal-inkjesta maġisterjali li għaddejja, ma jistgħux ma jikkundannawx dan il-falliment serju fis-sistema li ma indirizzax il-bżonnijiet individwali ta’ persuni li jgħixu bid-dimenzja.
Għaldaqstant, il-Malta Dementia Society qed isejħu lill-awtoritajiet, aġenziji u partijiet interessati rilevanti sabiex jieħdu azzjoni immedjata u koordinata biex jindirizzaw in-nuqqasijiet eżistenti fil-kura tad-dimenzja, kemm fil-komunità kif ukoll fi stabbilimenti ta’ kura fit-tul fejn jgħixu dawn l-individwi. Il-kwalità tal-kura tad-dimenzja trid tkun prijorità nazzjonali, u l-attenzjoni għandha dejjem tibqa’ fuq il-benessri u d-dinjità ta’ kull persuna.
Huma temmew billi qalu li persuni li jgħixu bid-dimenzja għandhom jiġu protetti mill-ħsara u ttrattati bħala membri stmati tas-soċjetà tagħna, u b’hekk hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li naġixxu issa sabiex il-kura tad-dimenzja ssir prijorità nazzjonali u realtà urġenti li taffettwa eluf ta’ familji madwar Malta llum.
//= $special ?>

