Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ kull inizjattiva li tfittex li ssaħħaħ il-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja f’Malta. Madanakollu, il-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Gvern tqajjem tħassib serju dwar id-direzzjoni u l-intenzjoni vera tar-riforma.
Wara analiżi dettaljata tad-dokument maħruġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-approċċ partiġjan tal-Gvern fir-rigward tar-riforma fil-midja. Minflok jindirizza b’mod serju u inklużiv il-problemi strutturali li qed idgħajfu l-libertà tal-istampa f’Malta, il-Gvern qed jippreżenta din l-inizjattiva bħala kisba tiegħu, meta fil-verità għandha tkun proċess nazzjonali u statali, kif irrakkomandat mill-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, Libertajiet Civili u x-Xandir Pubbliku Graziella Attard Previ qalet li tħassib serju jitqajjem ukoll minħabba n-nuqqas ta’ proposti konkreti biex l-istituzzjonijiet pubbliċi bħall-PBS u l-Awtorità tax-Xandir jitneħħew mill-influwenza diretta tal-Gvern. Minkejja li dawn għandhom rwol kruċjali fil-garanzija tal-pluraliżmu u l-imparzjalità, id-dokument tal-Gvern jonqos milli jipprovdi direzzjoni ċara jew miżuri effettivi biex jiġu riformati.
Barra minn hekk, il-proposti dwar il-finanzjament tal-midja jibqgħu vagi u mhux definiti. Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu li dawn jistgħu jwasslu għal aktar dipendenza tal-midja fuq il-Gvern, mingħajr garanziji ta’ imparzjalità jew trasparenza. Dan jista’ jkompli jipperikola l-awtonomija editorjali u jnaqqas il-fiduċja tal-pubbliku fil-midja bħala għassies indipendenti tal-interess pubbliku.
Min-naħa l-oħra, il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija mibnija fuq il-prinċipju li l-midja għandha tkun pilastru essenzjali tad-demokrazija, ħielsa minn kull forma ta’ kontroll politiku. Il-PN jemmen fil-ħtieġa ta’ protezzjoni legali b’saħħitha għall-ġurnalisti, inkluż kontra kawżi SLAPP u intimidazzjoni, u jappella għal riforma istituzzjonali tal-PBS u tal-Awtorità tax-Xandir, b’ħatriet li jsiru b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Il-PN jinsisti wkoll fuq trasparenza sħiħa fil-fondi pubbliċi u fir-reklamar statali, b’kontroll minn korp indipendenti.
F’dan il-kuntest, u wara l-feedback li nġabar minn konsultazzjoni ma’ stakeholders ewlenin, il-Partit Nazzjonalista jipproponi b’mod konkret:
- L-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia;
- Il-ħatra indipendenti tal-bordijiet tal-midja pubblika;
- L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi legali kontra kawżi abbużivi kontra ġurnalisti; u
- Il-pubblikazzjoni obbligatorja ta’ kull ftehim finanzjarju bejn il-Gvern u l-midja.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li r-riforma fil-midja għandha tkun riforma tal-pajjiż, mhux tal-gvern. Għandha tkun ibbażata fuq il-valuri tal-verità, l-etika u l-libertà tal-kelma, u konformi mal-European Media Freedom Act.
Il-PN illum issottometta r-reazzjoni u l-kummenti tiegħu bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar din ir-riforma u issa jistenna li jikkontribwixxi għal proċess leġiżlattiv serju, miftuħ u inklużiv.
//= $special ?>

