Il-Partit Nazzjonalista jrid li pajjiżna jidentifika aktar setturi biex jeċċella fil-kompetittività fuq livell Ewropew. Dan qed ikompli jagħmlu bil-laqgħat regolari li jkollu ma’ organizzazzjonijiet differenti, bħall-Assoċjazzjoni għall-Operaturi tat-Trasport u t-Trailers (ATTO). F’dan il-każ, tista’ wkoll tissaħħaħ il-konsultazzjoni dwar Direttivi Ewropej li se jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin u li se jolqtu lil dan is-settur.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta mexxa delegazzjoni tal-PN f’laqgħa mal-ATTO, fejn kienu diskussi fost oħrajn is-sistema dwar l-emissjonijiet fl-Unoni Ewropa u kif din l-assoċjazzjoni hi mħassba dwar kif dawn jistgħu jolqtu ħażin lil gżejjer bħal Malta.
Dan fost l-oħrajn anke minħabba spejjeż ta’ loġistika u trasport bil-baħar, fejn kienu mtennija l-appelli biex il-Gvern Malti jaħdem għal derogi li jtaffu din l-isfida.
Matul il-laqgħa saret referenza wkoll għal diversi Direttivi Ewropej li jaffettwaw loġistikament lil pajjiżna minħabba li huwa gżira. Hawn, Alex Borg tenna l-impenn li Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizzahom għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Issemma wkoll kif ix-xogħol minn u lejn Malta żdied, iżda l-infrastruttura baqgħet li kienet.
Min-naħa tiegħu, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jagħmel minn kollox biex dan is-settur jibqa’ jiġi ssalvagwardjat, fost oħrajn billi tibqa’ tinżamm ir-relazzjoni tajba li diġà teżisti bejn iż-żewġ naħat.
Id-delegazzjoni tal-ATTO kienet immexxija miċ-Chairperson Joe Bugeja, filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u mix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni Ivan Castillo
//= $special ?>
