Lokali Qorti

Il-Qorti kkonfermat il-permess għall-użu ta’ żona ta’ catering fil-miftuħ fil-Belt Victoria

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tagħti permess għal żona żgħira ta’ catering fil-miftuħ fil-Belt Victoria, Għawdex. F’reazzjoni nhar il-Ħamis, il-PA laqgħet din is-sentenza, u qalet li tikkonferma kif jista’ jintlaħaq bilanċ bejn l-attività kummerċjali u l-aċċess pubbliku f’kuntest storiku.

Il-Qorti kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar, li kien ikkonkluda li l-proposta – li tinkludi numru limitat ta’ mwejjed u siġġijiet quddiem Neolitik Kitchen and Lounge fi Triq is-Suq – kienet konformi mal-Politika dwar Żoni ta’ Catering fil-Miftuħ u li tirrispetta kemm is-sigurtà tal-pedestrian kif ukoll il-karattru urban taż-żona.

Is-sentenza tal-Qorti saħqet li ż-żona tas-seduti kienet limitata biss quddiem l-istabbiliment, kif jitlob il-Politika P17, filwaqt li żamm ukoll passaġġ minimu ta’ 1.9 metri għall-pubbliku, skont l-istandards nazzjonali ta’ aċċessibbiltà.

Fi stqarrija tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li dan il-każ juri kif jista’ jinżamm bilanċ bejn l-appoġġ lill-attività tan-negozji lokali u l-protezzjoni tal-aċċess pubbliku u l-kuntest storiku. L-istess PA enfasizzat li l-qorti u t-tribunal it-tnejn ikkonfermaw li l-liġi tal-ippjanar tgħaqqad l-iżvilupp mal-politiki u l-istandards ta’ sigurtà, iżda kwalunkwe kwistjoni dwar proprjetà privata jew titolarità għandha tiġi trattata separatament fil-qrati ċivili.

L-Awtorità tal-Ippjanar temmet tgħid li din id-deċiżjoni tenfasizza kif l-awtorità qed tapplika l-politiki tal-ippjanar u d-disinn b’mod ġust u trasparenti, biex iċ-ċentri storiċi ta’ Għawdex jibqgħu ħajjin, aċċessibbli u rispettati fil-kuntest kulturali tagħhom.