Lokali Qorti

Konfermati 33 xahar ħabs wara li ħebb għal raġel b’imqass u turnavit

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri kkonfermat is-sentenza ta’ 33 xahar ħabs fil-konfront ta’ Joe Zahra, ta’ 41 sena, wara li nstab ħati b’diversi reati li seħħew fid-9 ta’ Ottubru 2018, l-iktar gravi fi Triq Tumas Galea, f’Birkirkara.

Zahra, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, ikkawża feriti gravi fuq raġel ieħor billi uża mqass u turnavit, kif iċċertifikat minn mit-tabiba Daphne Gatt tal-Isptar Mater Dei.

Barra minn hekk, Zahra attakka u ħa ħsieb li jweġġa’ b’vjolenza erba’ kuntistabbli waqt li kienu qed jaġixxu skont il-liġi jew ordni legali, u hekk sar każ ta’ nġurja, theddida u offiża kontra dawn il-persuni waqt li kienu qed jagħmlu d-dmirijiet tagħhom.

Dan il-każ jirrigwarda aggressjoni fejn Zahra u l-vittma kienu qegħdin id-dar tal-parte civile. Skont il-parte civile, l-appellant beda jikkonsma d-droga kokaina u minħabba li ħa doża kbira huwa ntilef minn sensieh. Il-vittma qal li huwa poġġa lil Zahra f’’recovery position’ u wara li dan ġie f’sensieh huwa beda jaħseb li l-parte civile kien Pulizija fejn minħabba f’hekk, wara li sab imqass f’kexxun, huwa beda jxejjer b’dan l-imqass lejh (lejn il-parte civile) u kkawżalu ġrieħi konsiderevoli.

Sadanittant daħal rapport l-Għassa tal-Pulizija li kien hemm xi għajjat u l-Pulizija rrikorrew fil-post. Jingħad li huma semgħu lill-parte civile jgħajjat u għalhekk ippruvaw jisgassaw il-bieb iżda rriżulta li dan kien diffiċli. Jidher ukoll li l-Pulizija ttentaw jidħlu mit-tieqa iżda sabu lill appellant ixejjer imqass u turnavit.

Wara li l-Pulizija rnexxielhom jisgassaw il-bieb, Zahra ħarab mill-bitħa għad-dar tal-ġar tal parte civile. F’dan il-mument, il-Pulizija daħlu fid-dar tal-ġar u rnexxielhom jinnewtralizzaw lill-appellant u ħaduh fil-vettura fejn huwa allegatament għamel xi ħsara wkoll.

Minn naħa tiegħu, Zahra jgħid li l-parte civile kien miftiehem miegħu li jmorru d-dar tiegħu ħalli jikkunsmaw xi droga. Huwa jgħid li qabel dan huwa kellu jħallas xi merkanzija li kien irċieva fil-ħanut iżda meta mar ma sabx lil din il-persuna u għalhekk mar id-dar tal-parte civile u dan tal-aħħar taħ sigarett.

L-appellant jgħid li ħassu ħażin wara li pejjep dan is-sigarett u wara dan allegatament il-parte civile beda jitolbu l-flus. Zahra kompla jgħid li huwa kkonsenja l-flus li oriġinarjament kienu ntiżi sabiex iħallas il-merkanzija lill-parte civile u beda jipprova jaħrab għax l-istess parte civile kellu mqass u beda jaggredih.

Jgħid li huwa rreżista l-Pulizija għax ma kienx konvint li dawn kienu Pulizija. Jgħid li huwa għamel il-feriti li għamel fuq Mangion f’dak il-mument li huwa kien qiegħed jiġi attakkat u aġixxa sabiex jirribatti aggressjoni. Jispjega li l-aġir tiegħu jaqa’ fil-parametri ta’ leġittima difiża (self defence) u li għalhekk kellu jiġi liberat mill ewwel akkuża fil-konfront tiegħu.

Illi l-aggravju in eżami jirrigwarda l-leġittima difiża (self defence) u dana peress li l-appellant jisħaq li ġie aggredit mill-parte civile sabiex dan tal-aħħar jisraqlu l-flus li kellu fuqu, liema flus kienu ntiżi sabiex
iħallas il-kont tal-bar li kien jiġġestixxi.

Il-Qorti ma qablitx ma’ dan l-argument. Il-Qorti qieset li kienet qed temmen il-verżjoni mogħtija mill-parte civile minħabba li kienet korroborata mill-provi u ma kienx hemm spjegazzjoni għad-diskrepanza fil-verżjoni mogħtija mill-appellant, u tikkonkludi li l-aġir tal-parte civile kien bħala difiża kontra l-aggressjoni mwettqa mill-appellant u għalhekk ma tirriżulta l-ebda provokazzjoni.

L-appellant ilmenta dwar il-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti fil-konfront tiegħu u filwaqt li jirreferi għaċ
ċirkostanzi tal-każ huwa jisħaq li kif irrikonoxxiet l-Ewwel Qorti huwa kien għaddej minn perjodu diffiċli ferm f’ħajtu. Ikompli li filwaqt li issa huwa riabilitat, jekk jerġa’ jispiċċa l-ħabs hemm riskju li jitlef ix-xogħol kollu li wettaq għar-riabilitazzjoni tiegħu.

Il-Qorti qalet li “kull forma ta’ vjolenza fuq il-persuna għandha, bħala regola, iġġib magħha piena restrittiva tal-libertà tal-persuna b’effett immedjat. Soċjetà ċivili ma tistax tittollera l-prepotenza ta’ min, għax taqbiżlu ċ-ċinga, jew għax jidhirlu li għandu lment kontra ħaddieħor (anke jekk dak l-ilment ikun fil-fatt ġustifikat) jaħbat iħebb jew isawwat lil dak il-ħaddieħor. F’dan il-każ din il-Qorti ma tarax alternattiva għal piena karċerarja.””

Zahra nstab ħati wkoll li għamel ħsara, u għarraq ħwejjeġ ta’ ħaddieħor, inkluż vettura tal-Kummissarju tal-Pulizija, mudell Ford, bi ħsara totali ta’ madwar €250. Il-Qorti sabet ukoll li fid-9 ta’ Ottubru 2018 u f’perjodi ta’ qabel, Zahra kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li kienu ġew imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, fosthom li ma jikkommettix reat ieħor ta’ natura volontarja u li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.

B’kollox, il-Qorti tal-Appell kkonfermat is-sentenza ta’ 33 xahar ħabs bħala punizzjoni fuq il-ħtija tiegħu, li tinkludi l-akkużi kollha: feriti gravi b’arma irregolari, attakk u theddid kontra uffiċjali pubbliċi, ħsara fuq proprjetà privata u ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.