Lokali Qorti

Konfermati tliet snin ħabs fuq moħqrija tal-annimali u reati oħra

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ikkonfermat sentenza u ċaħdet l-appell li għamel Clyde Mallia ta’ 25 sena residenti Ħal Għaxaq fejn kien ġie mixli b’diversi reati, inklużi detenzjoni ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja, qtil ta’ qattusa, trattament mhux xieraq ta’ annimali, nuqqas ta’ kura, intervent kirurġiku fuq kelb għal tibdil fl-apparenza, u nuqqas li jħares kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’diversi proċeduri kriminali.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati tal-biċċa l-kbira tal-imputazzjonijiet u kkundannatu għal piena karċerarja ta’ tliet snin, irrevokat id-digrieti ta’ ħelsien mill-arrest u ordnat il-konfiska ta’ depożiti totali ta’ €11,000, fost ordnijiet oħra. fosthom skwalifika milli jkollu liċenzja tas-sewqan u ordnijiet ta’ trażżin għall-protezzjoni ta’ persuni.

Mallia ressaq appell billi sostna li l-Qorti tal-Maġistrati għamlet apprezzament żbaljat tal-provi u li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ lil hinn minn dubju raġjonevoli. Hu argumenta li l-kelb, li kien inkluż fl-imputazzjonijiet dwar moħqrija u trattament mhux xieraq ta’ annimali, kien proprjetà ta’ ċerta Xasnolley Schembri u mhux tiegħu, u li l-evidenza u x-xhieda, inkluż il-kontenut tal-Facebook ta’ Schembri u stqarrijiet ta’ veterinarji, turi li l-kelb kien dejjem ma’ Schembri.

L-appellant sostna wkoll li x-xhieda ta’ Xasnolley Schembri kienet kontradittorja u mhux kredibbli, filwaqt li l-Prosekuzzjoni ma wriet l-ebda prova li hu kien responsabbli għat-tbatija tal-kelb jew li saru interventi kirurġiċi fuq l-annimal.

Fl-aggravju tiegħu dwar il-piena, l-appellant argumenta li t-tliet snin priġunerija, l-irrevoka ta’ diversi digrieti ta’ ħelsien mill-arrest u l-konfiska ta’ depożiti, kienu eċċessivi, speċjalment meta kkunsidra r-rapporti pożittivi tal-Uffiċjal tal-Probation u l-fatt li kien ilu arrestat mill-ewwel jum.

Fir-risposta tagħha, l-Avukat Ġenerali tal-Qorti sostniet li l-Qorti għandha tiċħad it-talbiet tal-appellant u tikkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tal-11 ta’ April 2025. Il-Qorti tal-Appell, wara eżami tal-provi u l-istqarrijiet, sabet li ma kien hemm ebda dubbju min kien sid il-kelb, billi l-imputat ammetta li kien għadu jrid jiġbor il-kelb mir-residenza ta’ Schembri, u dan jikkonferma r-relazzjoni bejn l-imputat u l-annimal.

Il-Qorti tal-Appell apprezzat l-għażla tal-Qorti tal-Maġistrati fir-rigward tal-provi u l-kredibbilità tax-xhieda, u sabet li l-evidenza kienet suffiċjenti biex tappoġġja l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Maġistrati. Konsegwentement, il-Qorti tal-Appell irrifjutat l-appell tal-imputat u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati, inkluż il-ħtija tal-imputazzjonijiet rispettivi u l-piena ta’ tliet snin priġunerija effettiva, kif ukoll ir-rimarki u ordnijiet relatati mal-protezzjoni ta’ persuni u annimali.

Din il-konklużjoni tikkonferma li l-apprezzament tal-provi u l-konklużjonijiet tal-Ewwel Qorti kienu raġjonevoli u legalment sostnuti. Il-Qorti osservat li l-provi u l-valutazzjoni tagħhom kienu raġjonevoli u li l-Qorti tal-Maġistrati wettqet apprezzament ġust u legali tal-każ kollu.

Il-Qorti kkonfermat illi l-iskwalifika tal-istess appellant milli jkollu jew milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmien 12-il xahar, tibda tiddekorri min-nofs mill-għoti tas-sentenza. Il-Qorti wissiet ukoll lill-ħati bil-konsegwenzi skont il-liġi, kemm il-darba huwa jikser l-Ordni ta’ Trażżin maħruġ kontra tiegħu, favur Xasnolley Schembri u Christine Schembri. Tordna wkoll komunika ta’ din is-sentenza lill-Qorti tal-Maġistrati, li quddiemha jinsabu pendenti l-proċeduri kriminali kontra l-appellant.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.