Fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni ftit tal-ġimgħat ilu taż-żgħażagħ Carlo Acutis u Pier Giorgio Frassati (li jidher fil-qoxra tal-ktieb), is-Soċjetà tal-MUSEUM permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, ippubblikat il-ktieb ta’ Robert Aloisio Għaxra Oħra Żgħar imma Kbar. Dan huwa, biex ngħidu hekk, is-sequel ta’ ktieb ieħor li Aloisio ħareġ ħames snin ilu, Għaxra Żgħar Imma Kbar. Dawn iż-żewġ kotba jitrattaw il-ħajja ta’ żgħażagħ, ħafna minnhom ta’ żmienna, li taw xhieda bi kliemhom u b’għemilhom tal-fidi tagħhom fi Kristu. Il-ktieb huwa ideali għall-adolexxenti kollha u għal dawk li jieħdu ħsiebhom għax juri biċ-ċar li huwa possibbli tgħix tajjeb illum ukoll fis-seklu 21.
Acutis u Frassati kienu żgħażagħ qaddisa. Forsi llum ħafna jistaqsu: Mela llum tista’ tkun qaddis? U kif ikunu tfal u żgħażagħ qaddisin tas-seklu wieħed u għoxrin? Iva jeżistu tfal u żgħażagħ qaddisin. U żgur mhumiex tfal boring, lanqas xejn. Huma tfal ferriħija, kreattivi, affaxxinanti… cool! Bniet u subien, tfajliet u ġuvintur, li jkellmuna bit-tajjeb li jagħmlu.
Żgħażagħ li jaduraw lil Alla l-Ħaj u mhux l-idoli foloz tad-dinja. Huma l-veri benefatturi tal-umanità. Dawk li jixegħlu d-dinja bil-fantasija virtuża tagħhom. Kuraġġużi, qawwija, ma jehdew qatt, iż-żgħażagħ qaddisin huma l-missjunarji tat-tajjeb u tal-veru. Fuqhom jirrifletti raġġ tal-qdusija ta’ Kristu, tat-tjubija tiegħu, tal-ħniena tiegħu, tal-ġustizzja tiegħu.
Dan il-ktieb ġdid irid ikun ringrazzjament modest lil dawn ħutna żgħar. Għaxar żgħażagħ minn pajjiżi u kulturi diversi. Imma l-qaddisin mhumiex qegħdin hemm biex nammirawhom imma biex nimitawhom.
Minbarra Pier Giorgio Frassati, fil-ktieb hemm sitt żgħażagħ oħra li l-qdusija tagħhom ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-Knisja, fosthom: Isidore Bakanja, żagħżugħ Afrikan ta’ 22 sena li nqatel mill-employer Belġjan li kellu u ġie ddikjarat Beatu fl-1994; Marcel Callo, żagħżugħ ħaddiem Franċiż maqtul min-Nażisti li ġie ddikjarat Beatu fl-1987; Anuarite Nengapeta, soru Afrikana ta’ 25 sena maqtula waqt gwerra ċivili u ddikjarata Beata fl-1985; u Laura Vicuna, tifla Ċilena ta’ 13-il sena ddikjarata Beata fl-1988.
Flimkien ma’ dawn Aloisio jitratta tliet żgħażagħ oħrajn magħrufin ħafna iżjed: San Alwiġi Gonzaga, Santa Maria Goretti u Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Dawn iż-żgħażagħ jgħallmuna fidi ġejja mill-fiduċja bħalma dik ta’ tifel f’missieru, fi żmien meta l-bniedem sar jiddubita u jissuspetta kollox. Jgħallmuna l-entużjażmu, is-sempliċità, il-freskezza. Jgħallmuna ma nkunux ikkumplikati. Jgħallmuna l-umiltà u l-fiduċja fl-oħrajn. Għax it-tfal jaqraw il-qalb mhux il-kliem. Fuq kollox, jgħallmuna nemmnu. Għax ilkoll kienu tfal u żgħażagħ li emmnu tassew. Kienu żgħar fl-età imma kbar fil-fidi. Għaxra oħra żgħar imma KBAR.
Fl-aħħar tal-ktieb hemm ukoll intervista qasira ma’ Antonia, omm Carlo Acutis, u serje ta’ kwotazzjonijiet minn dak li kitbu jew qalu dawn iż-żgħażagħ qaddisin.
Il-ktieb Għaxra Oħra Żgħar Imma Kbar qiegħed jinbiegħ minn Librerija Preca, il-Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca, il-Marsa – maġenb il-Kappella tal-Museum) għall-prezz ta’ €8. Se jkun ukoll fl-istand tal-Librerija Preca fil-Festival tal-Ktieb li se jsir fl-MFCC Ta’ Qali bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru. Min ikun irid jintbagħtlu d-dar bil-posta jċempel 2122 2626 jew jidħol fil-facebook page ta’ Librerija Preca u jordna l-ktieb minn hemm.
//= $special ?>

