Lokali Qorti

Mhux ħati fuq ksur tal-liġijiet tax-xogħol fl-industrija tal-‘couriers’

Julian Borg li jirrappreżenta kumpanija, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fuq każ li jikkonċerna allegazzjonijiet ta’ ksur tal-liġijiet tax-xogħol relatati mal-industrija tal-‘couriers’.

Borg, kien qed jiffaċċja diversi akkużi bħala rappreżentant ta’ Mind International Limited, relatati mal-perjodu bejn Marzu u Ġunju tal-2024. Fost l-akkużi kien hemm li €200,000 kienu dovuti f’arretrati ta’ pagi baqgħu ma tħallsux.

Skont il-prosekuzzjoni, il-kumpanija ma pprovdietx tagħmir u servizzi neċessarji lill-ħaddiema, naqset milli tħallas il-pagi kollha dovuti, ħarġet ‘payslips’ nieqsa minn indikazzjoni ta’ sigħat maħduma, kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ħaddiema diretti u ta’ aġenziji, naqset milli tħallas allowances obbligatorji, u ma tatx biżżejjed tagħrif dwar kundizzjonijiet essenzjali ta’ impjieg.

L-evidenza prodotta mill-prosekuzzjoni kienet primarjament ibbażata fuq investigazzjonijiet mwettqa mid-Dipartiment tal-Industrial and Employment Relations (DIER) wara rapporti u protesti minn couriers fis-sajf tal-2024.

Ix-xhud ewlieni, Christopher Galea, spjega li ġew investigati madwar 44 “fleet operators” li jaħdmu ma’ pjattaformi bħall-Bolt u Wolt, u li 39 minnhom kienu suġġetti għal allegazzjonijiet ta’ ksur sistematiku ta’ drittijiet tal-ħaddiema.

Galea stma li madwar €200,000 kienu dovuti f’arretrati ta’ pagi. Madankollu, waqt ix-xhieda tiegħu u ta’ oħrajn bħall-investigatriċi tal-DIER Mary Grace Cassar, ġie ammess li ma kienx hemm provi diretti dwar ħaddiema partikolari ta’ Mind International Ltd li ma ġewx imħallsa jew li kellhom ksur speċifiku tad-drittijiet tagħhom.

Barra minn hekk, ix-xhieda tal-impjegati tal-pjattaformi internazzjonali, bħall-Bolt u Wolt, ma pprovdietx rabta diretta jew relazzjoni ta’ impjieg bejn dawn il-pjattaformi u l-imputat. Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni ma setgħetx turi li l-imputat personalment kien responsabbli jew direttament involut f’xi att illegali.

Il-Qorti rrimarkat li fil-każijiet ta’ natura amministrattiva jew kriminali bħal dawn, il-prosekuzzjoni għandha l-onereu li tipprovdi prova ċara, ammissibbli u partikolari dwar kull ksur allegat. Rapporti ġenerali jew konklużjonijiet ibbażati fuq stħarriġ mingħajr identifikazzjoni ta’ individwi jew transazzjonijiet konkreti ma jistgħux isostnu akkuża kriminali.

Il-Maġistrat Frendo Dimech enfasizzat li, minkejja l-importanza tax-xogħol tad-DIER biex jipproteġi ħaddiema vulnerabbli — b’mod partikolari dawk minn pajjiżi terzi li jaħdmu bħala couriers — il-provi f’dan il-każ kienu wisq vagi u insuffiċjenti biex jissodisfaw il-livell ta’ “ċertezza morali” meħtieġ għal kundanna.

Għaldaqstant, il-Qorti qieset li l-imputat ma setax jinżamm responsabbli u ordnat l-liberazzjoni tiegħu minn kull ħtija. Fl-istess ħin, il-Qorti sfruttat l-okkażjoni biex tagħti osservazzjonijiet ta’ natura soċjali u istituzzjonali.

Il-Maġistrat indirizzat kritika lejn is-sistema li tħalli lill-ħaddiema vulnerabbli mingħajr protezzjoni effettiva meta jkunu lesti jixhdu kontra min iħaddimhom. Hija appellat lill-awtoritajiet politiċi biex jikkunsidraw introduzzjoni ta’ mekkaniżmi legali li jipproteġu dawn il-ħaddiema, simili għal statuti ta’ “victims of crime” jew “whistleblowers,” sabiex dawn ma jitkeċċewx jew jiġu deportati bħala konsegwenza tal-koperazzjoni tagħhom f’investigazzjonijiet.

Il-Qorti saħqet li l-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema hi essenzjali biex l-infurzar tal-liġi jkun effettiv, inkella l-biża’ ta’ riperkussjonijiet tfixkel l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fl-aħħar nett, il-Maġistrat ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Prim Ministru, lill-Ministru għall-Intern u x-Xogħol, lill-Ministru tal-Ġustizzja, u lis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, sabiex jiġu infurmati bil-problemi strutturali li jeżistu fis-settur tal-couriers u l-ħtieġa ta’ riforma sistemika.

Din id-deċiżjoni, għalhekk, ma kinitx biss eżerċizzju ta’ applikazzjoni tal-liġi, iżda wkoll intervent kritiku fuq nuqqasijiet istituzzjonali u fuq il-bilanċ delikat bejn il-protezzjoni tal-ħaddiema u d-dritt tal-akkużat għal proċess ġust.