Il-Qorti tal-Maġistrati, ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, illiberat raġel ta’ 33 sena mill-Birgu, mill-akkużi kollha miġjuba kontrih wara li ma nstabet ebda prova li tikkonferma l-allegazzjonijiet. Huwa kien akkużat li kkaġuna fastidju u biża’ ta’ vjolenza fil-konfront tal-ġenituri tiegħu, li nsulentahom, heddidhom, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu d-droga eroina.
Il-każ kien joriġina minn rapport tal-2021 meta l-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Eman Hayman, allegat li l-imputat kien iġib ruħu b’mod aggressiv lejn il-ġenituri tiegħu, li magħhom kien jgħix fil-Birgu, u li b’diversi okkażjonijiet kien talabhom flus u ħoloq tensjoni fil-familja. Barra minn hekk, ġie allegat li kien instab fil-pussess ta’ droga eroina.
Madankollu, matul il-proċess instab li kemm il-missier kif ukoll l-omm għażlu li ma jixhdux kontra binhom u qalu li jaħfrulu l-imġiba tiegħu. Oħt l-imputat, xehdet li ħuha kien jagħmel xi storbju meta ma jingħatax flus, iżda qatt ma ħebb jew refa’ jdejh lejn il-ġenituri tiegħu. Hija sostniet ukoll li fil-mument tal-inċident ir-relazzjoni bejnhom kienet tajba u li l-ġlied kien ġeneralment minimu u temporanju.
Il-Qorti rrimarkat li l-prosekuzzjoni ma ppreżentat ebda prova diretta jew kredibbli li tikkonferma l-allegazzjonijiet ta’ vjolenza jew pussess ta’ droga. Barra minn hekk, il-Qorti qieset ukoll li l-istqarrija tal-imputat lill-Pulizija kienet inammissibbli, peress li l-investigaturi naqsu milli jirreġistraw b’mod validu r-rinunzja tiegħu għall-assistenza legali quddiem żewġ xhieda.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi “oltre kull dubju raġonevoli” u għalhekk ma setgħetx issib lir-raġel ħati ta’ ebda reat. Konsegwentement, il-Qorti illiberatu mill-ħames kapijiet ta’ akkuża, fosthom dawk relatati ma’ fastidju, biża’, theddid, insulti u pussess ta’ droga.
Il-Qorti kkonkludiet li, fid-dawl tal-mankanza ta’ provi u tat-tneħħija tal-istqarrija bħala prova, ma setgħetx tiddikjara ħtija u għalhekk ħarġet verdett ta’ liberazzjoni totali favur l-akkużat.
//= $special ?>

