Lokali Qorti

Mhux ħati li ma qagħadx mal-liċenzja speċjali tal-vettura tiegħu

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak, ma sabitx ħati lil Wayne Saliba, ta’ 38 sena minn Santa Venera, akkużat b’diversi ksur relatati mal-vettura tiegħu tal-għamla BMW bil-pjanċi ħomor. Skont l-akkużi, Saliba kien qed jiffaċċja tliet imputazzjonijiet ewlenin.

Dan li ma żammx ruħu mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja speċjali tal-vettura tiegħu li kienet permessa tinstaq biss fi tmiem il-ġimgħa u btajjel pubbliċi; li ma żammx il-vettura f’garaxx barra minn dawk il-jiem; u li ġiegħel jew ħalla lil persuna oħra, Luke Matthew Fenech, isuq il-vettura mingħajr assigurazzjoni valida. L-inċident seħħ fit-24 ta’ Awwissu 2023 f’Triq il-Kukkanja, Santa Venera, għall-ħabta tal-5:15pm.

Il-provi ppreżentati jinkludu affidavit tal-Surġent tal-Pulizija Luke Grima, li kien waqqaf lil Luke Matthew Fenech waqt li kien qed isuq il-vettura, minkejja li kien nhar ta’ Ħamis – jum mhux awtorizzat għall-użu ta’ vetturi b’dawn il-pjanċi. Huwa għamel kuntatt ma’ Transport Malta biex il-karozza tiġi rmunkata lejn il-garaxx tal-awtorità. Ġie ppreżentat ukoll rapport uffiċjali tal-inċident u ritratt tal-vettura.

Brian Farrugia, rappreżentant ta’ Transport Malta, xehed li rċieva notifika mill-Pulizija u ħareġ il-“letter to prosecute” taħt il-Kap. 368. Huwa kkonferma li dakinhar tas-sekwestru, Wayne Saliba kien is-sid irreġistrat tal-vettura u li din kienet taħt reġim ta’ liċenzja ridotta ta’ 35% li tippermetti sewqan biss minn nhar ta’ Ġimgħa fis-6 p.m. sal-Ħadd f’nofs il-lejl, jew fil-btajjel pubbliċi.

Meta xehed l-imputat, Wayne Saliba qal li l-vettura kienet fil-garaxx tiegħu f’San Pawl il-Baħar meta zijuh u Luke Matthew Fenech ġew biex jiġbruha bit-tow truck. Hu spjega li kien informa lilhom li l-vettura għandha pjanċi ħomor u ma tistax tinstaq fi ġranet normali. L-imputat sostna li ma kienx hu li wassalha fit-triq u li kien diġà biegħ il-vettura lil persuna oħra, Keith Camilleri, billi ffirma l-logbook dakinhar stess.

Ix-xhud Luke Matthew Fenech, li kien qed jiffaċċja akkużi kriminali bbażati fuq l-istess fatti, għażel li ma jixhidx. Madankollu, ix-xhieda tal-Pulizija ġew ikkunsidrati bħala kredibbli u konsistenti. Il-Qorti osservat li minkejja li l-vettura kienet reġistrata fuq isem Wayne Saliba fid-data tal-inċident, ma kienx hemm provi li kien hu li uża jew ippermetta l-użu tagħha.

Kien ġie ppruvat ukoll li l-imputat kien avża b’mod ċar lil Luke Matthew Fenech dwar ir-restrizzjonijiet tal-vettura u li din kienet tgħabbiet bit-tow truck propju biex ma tinstaqx illegalment.

Wara li eżaminat il-provi kollha, il-Qorti qieset li ma kienx hemm elementi biżżejjed biex tinstab ħtija għal xi waħda mit-tliet akkużi, billi ma ġie ppruvatx li Saliba uża jew ħalla juża l-vettura kontra l-kundizzjonijiet tal-liċenzja jew mingħajr assigurazzjoni.

Għaldaqstant, il-Qorti illiberat kompletament lil Wayne Saliba mill-imputazzjonijiet kollha relatati mal-każ. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Rachel Aquilina.