Mark A. Sammut Sassi
Dal-aħħar stednuni fil-programm ta’ Net TV, Il-Punt. Ħadt gost f’dal-programm, għax Chayenne Riolo, b’differenza minn oħrajn bnadi oħra (mhux Net TV), tagħtik l-opportunità argument kumpless tibnih u twasslu lit-telespettaturi. Bħali, Chayenne Riolo temmen fil-Maltin, temmen li argument kumplikat jistgħu jsegwuh, u allura tagħti lill-mistednin il-ħin jitkellmu, u dan tant apprezzajtu.
Miegħi fil-programm kien hemm tliet mistednin oħra, fosthom Jake Smith, żagħżugħ intellettwali u intelliġenti li naħseb għad jagħmel isem għalih innifsu fil-futur. Adam Smith tat-titlu, iżda, mhux qarib Jake Smith.
Id li ma tidhirx
Adam Smith kien ekonomista Skoċċiż (1723-1790). Naħseb jista’ jitqies Missier il-Ħsieb Ekonomiku Modern. Waħda mit-tagħlimiet importanti li tana tinsab fil-ktieb tiegħu Il-Ġid tal-Ġnus (The Wealth of Nations) u hi li l-ekonomija hi mmexxija minn id inviżibbli. Fi kliem ieħor, l-ekonomija titmexxa minn interessi privati li bla ma jridu jaġixxu fl-interess pubbliku.
Dal-interessi privati jieħdu f’salt wieħed ħafna deċiżjonijiet li jolqtu lill-ekonomija, u l-ekonomija mbagħad hi riżultat kumulattiv ta’ dawk il-ħafna deċiżjonijiet. Minn dil-osservazzjoni ħareġ il-prinċipju tal-ekonomisti li l-ekonomija tirregola lilha nnifisha u mhux meħtieġ li l-gvern jintervjeni. Il-bużillis hu li l-ekonomija hi mmexxija minn id ma tidhirx mhux minn id li taf kollox.
Anzi, ħafna mid-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-parteċipanti f’ekonomija u li jispiċċaw jiddeterminaw it-triq li se tmur fiha l-ekonomija, huma deċiżjonijiet meħudin minn min ikun qed jara biċċa żgħira biss mill-istampa kollha – appuntu jkun qed jara biss l-interess tiegħu. Allura li tħalli lis-suq isuq, hi strateġija ħażina. Is-suq verament hu misjuq minn id li ma tidhirx, imma dik l-id ma tidhirx mhix id li taf kollox.
Li tħalli ekonomija għaddejja għal rasha mingħajr tentattiv serju ta’ direzzjoni hu żball kbir. Żball kbir daqsu hu li tipprova toqtolha dik l-id ma tidhirx, biex minflokha titfa’ id tidher u li jidhrilha li taf kollox. Dal-iżball għamluh ripetutament il-komunisti u s-soċjalisti, li kellhom l-ekonomija pjanata u ċentralizzata – li fiha l-gvern kien jagħmel pjanijiet ta’ ħames snin u jistenna li l-ekonomija timxi ma’ dawk il-pjanijiet u tagħti r-riżultat mistenni. Dawk il-pjanijiet fallew, għax l-ekonomija ma taħdimx hekk… għandha element kreattiv li ma jistax jisfa’ maħnuq mir-riġidità tal-ippjanar.
Imma filwaqt li l-ekonomija pjanata hi żball f’estrem minnhom, fl-estrem l-ieħor hemm l-ekonomija mħollija għal riħha, tikber kif jiftlilha, fid-direzzjonijiet li tkun trid, mingħajr gwida u mingħajr ma tkun taf sewwasew fejn sejra. Ekonomija hekk flok ma twassal għall-interess (jew ġid) pubbliku, twassal għal geġwiġija.
Naħseb li min qed jaqrani qed jifhem fejn sejjer bid-diskors tiegħi. Malta llum donnha mmexxija minn ekonomija mitluqa għal rasha. Donnha mmexxija mill-fantasija li l-id ma tidhirx taf kollox u allura nistgħu nafdawha b’għajnejna magħluqin.
Minħabba f’dil-fantasija, għandna l-kostruzzjoni bl-addoċċ, it-turiżmu li qed jasfissjana, ir-restoranti li jgħoddu l-bankini parti mill-istabbiliment, u l-bqija ta’ ekonomija li miexja kif jiftlilha timporta numri kbar ta’ ħaddiema barranin, ħafna minnhom bla ħiliet speċjalizzati, u ma tafx fejn hi sejra. Din hi r-riċetta għal diżastru. Jekk mhux illum, għada.
Għalhekk minn stħarriġ li sar mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji rriżulta li 66% min-negozji żgħar u medji f’Malta u Għawdex jemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina. L-operaturi ekonomiċi qed iħossuh dan kollu. Ingredjent ieħor f’dir-riċetta hu l-għadd kulma jmur jikber ta’ ħaddiema barranin li l-ekonomija qed tiddependi kuljum aktar minnu.
L-id inviżibbli tal-imġiba tal-Maltin
Il-kultura Maltija hi li nsolvu l-problemi. Tant aħna mdorrijin b’amministrazzjoni pubblika miġbuda ’l isfel mill-mażżri tal-burokrazija li flok ma nirranġaw il-burokrazija, tgħallimna kif induru madwarha. Jaħti għal dan, il-kolonjaliżmu: taħt l-Ingliżi, il-Maltin rari setgħu jibdlu r-regoli imposti mill-ħakkiem barrani; minflok, tgħallmu kif jgħawġu r-regoli ħalli jinqdew xorta, minkejja r-rieda kuntrarja tal-ħakkiem.
Dil-mentalità baqgħet ħajja wkoll wara l-indipendenza. Aħna l-Maltin sirna esperti tad-dawrien mar-regoli.
Il-ħaddiema barranin, min-naħa l-oħra, dil-mentalità Maltija jew ma jifhmuhiex jonkella jekk jifhmuha, jistgħu jabbużaw minnha. Jien qed nosserva – forsi jien żbaljat, ma nafx – li l-Maltin li jħaddmu lill-barranin ma jridux lill-ħaddiema barranin iħaddnu l-mentalità tas-soluzzjoni tal-problemi, għax jibżgħu li l-barranin jistgħu jqarrqu bihom.
Allura qed tidħol kultura ġdida… dik tal-applikazzjoni riġida ta’ regoli riġidi, mentri aħna l-Maltin imdorrijin bir-regoli riġidi imma bl-applikazzjoni flessibbli.
Ma nafx kif se tiżviluppa dit-tensjoni… se tkun id ma tidhirx li ssawwarha dil-kultura l-ġdida?
Eżitu li nista’ nazzarda nbassar hu li l-ħaddiema barranin jiksbu poter fuqna l-Maltin – għax l-applikazzjoni riġida hi maħsuba biex issaħħaħ id min għandu r-riedni tar-regoli f’idejh, mentri l-applikazzjoni flessibbli hi maħsuba biex issaħħaħ lil min r-riedni mhumiex f’idejh.
Bl-applikazzjoni riġida tar-regoli, ir-riedni qed nagħtuhom lill-ħaddiema barranin. Issa jew se nevolvu bħala poplu, jew, fi żmien ġenerazzjoni jew tnejn, se nisfgħu maħkumin minn dal-barranin.
Il-pjaneta tax-xadini
B’xi mod jaf niġu bħal f’dik il-franchise ta’ films fil-fehma tiegħi potenzjalment razzisti: Il-Pjaneta tax-Xadini (Planet of the Apes).
Kif naraha jien, l-istorja ta’ dik il-franchise ta’ films b’mod ma jidhirx tqabbel lill-ġnus mhux tal-Punent max-xadini… dal-ġnus deħlin fil-Punent bħala ‘lsiera’ (bħalma x-xadini jitjassru mill-bnedmin fil-films). Fid-dinja ta’ dal-films, ix-ximpanżi Caesarimexxi lix-xadini sħabu u eventwalment il-gvern ‘xadinesk’ ijassar lill-bnedmin.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 30 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>

