Opinjoni

OPINJONI: Dawl ġdid fil-ġlieda għal-libertà

Michael Caruana
Eks Editur u Kittieb

Il-ktieb ‘Kartolini minn Ħajti’ ta’ Richard Muscat, pubblikat dan l-aħħar, hu ċelebrazzjoni f’għeluq it-tmenin sena tal-awtur. Hu ċelebrazzjoni li fih niltaqgħu ma’ xhieda personali, ritratti u dokumenti awtentiċi li jimmarkaw mumenti partikolari u speċjali ta’ dawn is-snin.
Fid-daħla tiegħu għall-ktieb, Louis Galea jgħid li kienet diffiċli għall-awtur li jagħżel, minn fost l-arkivji tiegħu, dawn it-tmenin kartolina għax jaf kemm hi wiesgħa x-xibka ta’ ħbieb u kuntatti li għandhom stima ġenwina għal Richard u kemm hi ffullata ħajtu bi ġrajjiet u esperjenzi li jimmeritaw li jiġu rrekordjati.
B’danakollu, mill-għażla li għamel joħroġ ċar kemm l-awtur hu Malti ta’ kull staġun. Dan il-ktieb jixhed b’mod ċar l-istorja ta’ Richard Muscat patrijottiku onest, integru, b’kuxjenza retta, b’impenn politiku, determinat, effettiv, kreattiv fl-azzjoni u Kattoliku.
L-istaġuni fil-ħajja ta’ Richard Muscat huma varji u segwew rotta mhux tant lineari daqskemm dettata minn ċirkostanzi mhux mistennija u lanqas ordinarji, jgħid Louis Galea.
Bil-fatti, f’kull staġun, Muscat iddistingwa ruħu bħala Malti billi ħabb lil Malta u ta kulma seta’ għall-ġid tal-poplu tagħha skont l-aħjar ħila u fehma tiegħu. Hu baqa’ fidil u leali lejn l-imħabba għal Malta u lejn l-impenn politiku tiegħu fil-PN u meta Louis Galea jħares lura jsib li mhux kulħadd fehem u apprezza lil Muscat. U mhux kulma qal Muscat kien perli ta’ għerf jew kulma għamel kien bla difett jew żball. Imma l-keffa tal-ideat, tal-kreattività u tal-ħidma fejjieda tiegħu bil-bosta tegħleb il-keffa l-oħra.

Ix-xandir minn Sqallija
Fix-xandir tal-PN minn Sqallija, hu kellu theddid u sogru għal ħajtu. Hawn, Galea jirrifletti fuq l-inkwiet u l-inġustizzji li intortament sofrew Richard Muscat, martu Joyce u wliedhom. Għal snin sħaħ hu kien hemm, l-ewwel Sqallija u mbagħad Ruma, u martu Joyce u wliedhom kienu hawn. Mhux mingħajr diffikultajiet.
Kien f’dawn iċ-ċirkostanzi li ħarġu l-kwalitajiet u l-valuri ta’ Richard u Joyce. Minkejja l-ansjetà enormi, l-inċertezza u t-theddid, Louis Galea ra żewġ ċittadini Maltin sodi daqs il-blat. Bi kliemhom u b’għemilhom sostnew dik li għalihom kienet kwistjoni ta’ prinċipju, ta’ kuxjenza u ta’ dritt tal-poplu Malti.
Il-biki, id-dispjaċir, kultant f’xifer id-disperazzjoni, huma umani u ma naqsux. Imma qatt ma kienu bejn ħaltejn dwar l-għażla tagħhom favur il-prinċipju, il-kuxjenza u d-dritt akkost ta’ kull sagrifiċċju u tbatija.
Galea jżid li bħala bniedem Muscat għen lil kulħadd jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu. Bħal fil-bqija tal-ħajja ma jonqosx li tiltaqa’ ma’ għawġ, preġudizzji, għira u tfixkil minn nies bla rieda tajba u bi skopijiet ulterjuri, iżda hemm ħafna x’tirrakkonta li juru l-inizjattivi u l-ġid li wettaq f’kull xogħol fdat lilu.

Ġabra ta’ dokumenti
Il-ktieb ‘Kartolini minn Ħajti’ hu interessanti għall-ġeneru partikolari li Richard Muscat għażel li jadotta. Hu ġabra ta’ dokumenti, ittri u riproduzzjoni ta’ ġurnali, ritratti u filmati li jsostnu l-verità tal-vjaġġ tiegħu fil-proċess ta’ trasformazzjoni li rat Malta mill-1971 ’l hawn. Fil-ktieb niltaqgħu għall-ewwel darba ma’ diversi fatti, esperjenzi u dokumenti li jixħtu dawl ġdid fuq is-sehem ta’ Muscat u martu fil-ġlieda għal-libertà u għad-demokrazija.
“Dan qed niktbu mhux biex inkun polemikuż, iżda biex inkompli nisħaq kemm li nfakkru l-memorja u ngħidu l-istorja huma parti essenzjali mill-formazzjoni u l-ħarsien tal-ġid komuni tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada”, itemm id-daħla tiegħu Louis Galea.
Imbagħad, fl-introduzzjoni tiegħu għall-ktieb, Richard Muscat jgħid li kieku kellu jiġbor fil-qosor l-aktar valuri li dejjem ħass ħajjin fih, isemmi l-lealtà u s-sens ta’ responsabbiltà. “Dawn kostantement servew ta’ xprun u ta’ gwida għalija, speċjalment fil-mumenti ta’ diffikultà. Dejjem għenuni nagħmel kuraġġ u nibqa’ nissielet kontra l-mewġ, mat-tlajja’ u l-inżul li għaddejt minnhom bħalma jgħaddi kulħadd fil-milja tal-ħajja. Iva, għaddejt minn mumenti sbieħ u minn oħrajn diffiċli li talbu minni sforz speċjali biex stajt naffronta l-isfida. B’hekk, f’ebda ħin ma waqajt taħt pressjoni negattiva.

Rispett lejn ir-regoli
“Dejjem tajt l-aħjar li stajt u skont il-kapaċitajiet tiegħi. Irrispettajt ir-regoli u l-liġijiet li kelli jiggwidaw l-operat tiegħi. Fejn kien meħtieġ, użajt dixxerniment f’dawk id-deċiżjonijiet li jitolbu ħsieb u għaqal qabel wieħed jeħodhom. Iżda dan dejjem għamiltu fil-ħarsien tal-aħjar interessi tal-pajjiż, jew tal-Partit jew tal-azjenda li ħdimt magħha u tal-impjegati tagħha u mhux dawk tal-familja.”
Richard Muscat itemm li l-ktieb ‘Kartolini minn Ħajti’ “mhux intiż biex nikkontraddixxi lil xi ħadd, biex nippreżenta ruħi bħala vittma, biex nikxef xi sigrieti jew biex niġbed simpatija. Nixtieq ngħid il-verżjoni tiegħi biex nirriflettu dwar dak li ggwidani fil-qadi ta’ dmirijieti u xejn aktar.”

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ Ottubru, 2025.