Angelo Micallef
Nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ressaq il-baġit tal-Gvern għas-sena 2026 taħt it-tema Ekonomija b’saħħitha – futur għal uliedna.
Huwa faċli u forsi wkoll raġunat li mit-titlu wieħed jaħseb li dan il-baġit kien se jkollu bħala l-miri ewlenin tiegħu l-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda kif ukoll pjan ħolistiku ta’ kif se nsaħħu l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna.
Wieħed kien jimmaġina li dan kien se jkun baġit bi pjanijiet u miri fit-tul intiżi biex inħallu lil pajjiżna ferm aħjar għal uliedna u dan billi nsolvu l-aktar kwistjonijiet ta’ sfida fil-preżent.
Minflok assistejna għal diskors li xi kultant kellu aktar it-ton ta’ diskors ta’ xi ‘mass meeting’ tal-Partit Laburista b’ħafna għajjat, tisbit u tixjir tal-idejn. Minflok assistejna għal baġit li filwaqt li kellu numru ta’ miżuri li jistgħu jiġu deskritti bħala pożittivi kien nieqes għalkollox min pjan fit-tul jew min kwalunkwe ħjiel ta’ xi soluzzjoni għall-akbar sfidi li għandu pajjiżna.
Jekk pajjiżna għandu problema serja ta’ traffiku, dan il-baġit bl-ebda mod ma’ indirizza din il-problema. Jekk pajjiżna għandu problema serja ta’ arja maħmuġa, fost l-aktar maħmuġa fl-Ewropa, u ta’ baħar imniġġes, dan il-baġit bl-ebda mod ma’ indirizza din il-problema.
Jekk pajjiżna bħal donnu kien ċass quddiem l-isfida tal-bidla fil-klima, dan il-baġit ma kellu xejn x’joffri dwar il-bidla fil-klima. Jekk kull darba li tmur is-supermarkit tħoss li l-għoli tal-ħajja hija sfida li m’intix tlaħħaq magħha, dan il-baġit kellu biss €4.66 x’joffri u xejn aktar.
Huwa għalhekk li l-problema f’dan il-baġit aktar milli qiegħda fil-kontenut, qiegħda f’dak li ma jinsabx fil-kontenut u ċioè pjan ċar għal pajjiżna biex jindirizza fost l-akbar sfidi li qegħdin jheddu l-kwalità tal-ħajja. Baġit li ħalla lil ħafna lampa stampa, u li llum għadhom jinstabu f’limbu totali minkejja l-wiegħda li dan kellu jkun baġit li jindirizza l-futur ta’ wliedna.
Hemm imbagħad numru ta’ deċiżjonijiet li jqanqlu bosta mistoqsijiet. Fost dawn bla dubju ta’ xejn hemm id-deċiżjoni tal-Gvern li jħalli d-dejn tal-pajjiż ikompli jogħla. Il-Gvern qiegħed jagħmel kalkolu riskjuż u ċioè l-kalkolu li fis-snin li ġejjin mhu se jinqala’ xejn u li l-ekonomija se tkompli tikber bl-istess ritmu.
Madankollu kulħadd jaf li Gvern għaqli jħejji ruħu għal ‘disruptive events’ għax l-istorja turi li dawn mhux xi rarità li ma’ seħħ qatt. Hekk jagħmel Gvern għaqli bħalma kien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi u bis-saħħa ta’ hekk pajjiżna għadda mill-kriżi finanzjarja mingħajr wisq impatt. Jekk allaħares qatt pajjiżna jsib ruħu f’nofs ‘disruptive event’ bħal xi gwerra jew xi pandemija, il-finanzi tal-Gvern mhux lesti bl-ebda mod li jilqgħu għaliha għax il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jagħżel li kif jgħid l-Ingliż ‘he throws caution to the wind’.
Gvern xħiħ mal-Kunsilli Lokali
Ma nistax ma nikkumentax fuq aspett tal-baġit li s’issa ftit li xejn għadu ssemma. Il-Gvern reġa’ mill-ġdid kien xħiħ mal-Kunsilli Lokali anzi kompla jwebbes idejh u naqqas il-vot tal-Kunsilli Lokali. Dan ikompli juri kemm il-Gvern ta’ Robert Abela ma jemminx fil-Kunsilli Lokali u huwa lest li jħallihom joperaw ‘on a shoe string budget’ bir-riżultat li l-ħidma tagħhom tkun limitata fis-saħħa. Xejn b’sorpriża għax wara kollox il-Partit Laburista għandu storja twila u konsistenti ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-Kunsilli Lokali.
Naturalment l-attenzjoni fil-proċess parlamentari issa ddur fuq ir-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg li fl-ewwel reazzjonijiet tiegħu diġà ta’ ħjiel ċar tal-messaġġ tiegħu li se jkun wieħed ta’ kritika ġusta, oġġettivita u sens ta’ tama ta’ x’se joffri lil pajjiżna l-Partit Nazzjonalista. M’għandix dubju li għal kontra tad-diskors ta’ Clyde Caruana, id-diskors ta’ Alex Borg se jkun wieħed li jqanqal tama.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 30 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>

