Lokali Qorti

Pumpier iwieġeb mhux ħati li ffastidja sesswalment lill-kollega u jinħeles mill-arrest

Ritratt: Matthew Tabone

Żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Birgu li jaħdem fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħala pumpier, ingħata ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li ffastidja lill-kollega tiegħu. Huwa wieġeb mhux ħati għall-allegazzjonijiet li saru kontrih.

Skont il-prosekuzzjoni, rapport wasal lill-Għassa tal-Marsa minn ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili li kien irrapporta li fi Frar, il-kollega tiegħu, Dean Agius, beda jiffastidjah b’mod ripetut u invażiv, fejn l-atti eskalaw sa mumenti fejn beda jmisslu parti privati tiegħu.

Il-Pulizija ħadet dikjarazzjoni mingħand l-akkużat u mitlub mandat għall-arrest, li kien esegwit b’mod ordnat, u l-akkużat irrapporta lilu nnifsu fl-għassa meta mitlub, fejn kien infurmat bid-drittijiet tiegħu. L-avukat difensur, Franco Debono, staqsa jekk il-vittma kienx konxju li ċerti atti setgħu jitqiesu bħala ċajta.

Il-prosekuzzjoni spjegat li fil-bidu, il-vittma qatt ma ħaseb li kienet serja l-biċċa, imma l-atti eskalaw b’mod li beda jkun imħasseb, inkluż affarijiet oħra intimi, u ddeskriva li beda jdejqu. L-avukat Debono talab għall-ħelsien mill-arrest, indikant li l-klijent tiegħu diġà kien sospiż mix-xogħol u li bl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet stretti, m’hemm l-ebda riskju ta’ kontaminazzjoni tal-provi.

Il-Qorti ordnat li l-akkużat irid jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa u jibqa’ d-dar bejn id-9:30pm u s-7:30am. Barra minn hekk ġiet imposta garanzija personali ta’ €10,000 u depożitu ta’ €1,000 u kien mwissi li bl-ebda mod ma jista’ jikkuntattja lill-vittma, kemm direttament kif ukoll indirettament. Ordni ta’ protezzjoni kienet ukoll imposta favur l-allegat vittma.

L-Avukat Kristina Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Elisia Scicluna mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono u Marcus Ciantar dehru għall-akkużat. L-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.