Lokali

“Robert Abela għandu jirtira ż-żieda ta’ €1,700 li ta lilu nnifsu u lil sħabu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari” – Il-Kap tal-PN

Ritratt: Martin Agius
Il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li ma jistax jaqbel ma’ din iż-żieda meta lin-nies il-Gvern tahom €4.66 li fuqhom se jibqgħu jħallsu t-taxxa


Robert Abela għandu minnufih jiritira ż-żieda ta’ €1,700 li ta lilu nnifsu u lil sħabu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fil-budget.

Mhux aċċettabbli li bl-iskuża taż-żieda lill-ħaddiema fis-settur pubbliku, il-Prim Ministru jagħti din iż-żieda filwaqt li lill-poplu tah €4.66 għall-għoli tal-ħajja, li minnhom qed jibqa’ jaqtgħalhom it-taxxa.

F’messaġġ li għadda fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li għalkemm din iż-żieda tapplika anke għalih, hu qatt ma ġie kkonsultat dwarha, u mhux se jeħodha għax ma jista’ qatt jaqbel magħha fiċ-ċirkostanzi.

Alex Borg qal li dan kollu spjegah lill-ġurnalisti tas-Super One ilbieraħ stess wara s-seduta parlamentari meta staqsewh dwar din iż-żieda li l-Gvern żamm moħbija. Iżda s-Super One għażlu li ma jirrappurtawx dak li qal.

Filwaqt li appella lil tas-Super One jkunu serji f’xogħolhom u flok jaqdu aġenda ta’ gideb, jaqdu lil min isegwihom billi jgħidu l-verità, Alex Borg qal li din il-miżura fiha nnifsha, il-gideb mil-Labour u l-aġenti tal-midja tiegħu biex jaħbi din il-miżura u jaħbi r-risposta tiegħi huma turija ċara li l-Labour huwa distakkat min-nies, distakkat mir-realtà u jipprova jitfa’ dak li hu tiegħu fuq ħaddieħor.