Lokali Qorti

Seraq kartiera minn ‘bus stop’ f’San Ġiljan iżda meħlus bil-kundizzjoni ta’ probation

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, sabet ħati lil Mohamed Ibrahim Haruun, li kien akkużat li seraq kartiera minn fuq raġel ieħor waqt li kienu fuq bus stop fi Triq San Ġorġ, f’San Ġiljan, u li kien fis-sakra f’lok pubbliku.

Minkejja dan, il-Qorti ddeċidiet li teħilsu bil-kundizzjoni skont l-Att dwar il-Probation, sakemm ma jikkommettix reat ieħor fi żmien 30 xahar. Skont ir-rapport tal-Pulizija, il-każ seħħ fil-10 ta’ Awwissu 2025 għall-ħabta tal-1:00am viċin il-ġnien ta’ Spinola, f’San Ġiljan.

Il-vittma, Joshua Marimo, irrappurta li waqt li kien qiegħed jistenna tal-linja fuq bus stop, induna li Haruun, li kien bilqiegħda ħdejh, seraqlu l-kartiera li fih kien hemm €70 u vouchers tal-BCRS ta’ €5.20. Marimo spjega lill-Pulizija li l-imputat kien poġġa ħdejh, imbagħad qam u reġa’ ġie lura ħdejh, u f’dak il-ħin ipprova wkoll jisraqlu l-mobile li kien ħiereġ mill-but ta’ wara.

Meta ntebaħ li l-kartiera kienet nieqsa, Marimo qallu biex jirritornalu u saħansitra offrilu li jżomm il-flus, iżda l-imputat ċaħad li kien ħadha. Huwa saħaq li meta hedded li jsejjaħ lill-Pulizija, l-imputat daħal fil-ġnien ta’ Spinola u ta xi ħaġa lil raġel kbir liebes ħwejjeġ khaki qabel telaq.

Ftit wara waslu l-pulizija li sabu liż-żewġ irġiel jargumentaw quddiem il-fergħa tal-HSBC f’San Ġiljan. Marimo identifika lil Haruun bħala l-persuna li seraqlu l-wallet, u dan ġie arrestat immedjatament. Għalkemm il-pulizija għamlu tfittxija fuqu u fid-dar tiegħu, il-kartiera ma nstabitx.

Ix-xhieda tal-pulizija u tal-vittma

Il-Korp tal-Pulizija kien rappreżentat mis-Surġent Valhmor Medati u l-kuntistabbli Nicole Mifsud, li kkonfermaw li ġew infurmati b’rabta ma’ rapport ta’ serq u li fuq il-post sabu lil Haruun u lil Marimo jargumentaw. Il-kuntistabbli Mifsud spjegat li arrestaw lil Haruun fis-1:45am u tawh id-drittijiet legali tiegħu bil-lingwa Somala.

Marimo xehed ukoll fil-Qorti li kien għadu kif spiċċa mix-xogħol tiegħu ta’ carer u kien qed jistenna tal-linja. Huwa rrakkonta li Haruun kien mar warajh, ħadlu l-kartiera u baqa’ jiġri. Meta segwieh, ra kif l-imputat għadda l-oġġett lil raġel kbir liebes khaki. L-istess Marimo għamel sforz biex ilaħħaq miegħu u żammu fuq il-post sakemm waslu l-pulizija.

Id-difiża tal-imputat

Fil-verżjoni tiegħu, Haruun ċaħad li seraq il-‘wallet’ u qal li kien fis-sakra dak il-lejl. Huwa sostna li kien bilqiegħda fuq il-bus stop jistenna tal-linja biex imur lura Ħal Far meta l-vittma resqet fuqu u bdiet takkużah. Saħaq li l-pulizija emmnu lill-vittma mingħajr prova u li seta’ ġie konfuż ma’ persuna oħra ta’ kulur li kien fl-istess zona.

Fil-provi tiegħu, Haruun kien kontradittorju dwar minn fejn ġab il-flus biex seta’ jixtri x-xorb. F’ħin minnhom qal li sħabu tawh inbid; f’oħra qal li ġabar fliexken BCRS u ħadhom Tas-Sliema. Minkejja dan, ma ppreżenta l-ebda prova biex jikkonferma xi waħda minn dawn il-verżjonijiet.

Il-Maġistrat Frendo Dimech osservat li, minkejja xi differenzi żgħar fil-verżjoni ta’ Marimo (li setgħu jkunu dovuti għal diffikultajiet fil-lingwa Ingliża), il-fatti essenzjali kienu koerenti u kredibbli. Il-Qorti enfasizzat li: Marimo identifika lill-imputat immedjatament fuq il-post.

Huwa ta dettalji preċiżi dwar kif ġara s-serq u dwar il-persuna li l-imputat għaddielu xi ħaġa fil-ġnien. Ir-ritratti ppreżentati juru li l-bus stop kellu ħġieġ miksur, li jiffaċilita serq minn wara l-bank. Ir-reazzjoni ta’ Haruun — jiġifieri li ħarab meta ġie akkużat — kienet inkonsistenti ma’ min ikun innoċenti.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-imputat ma wera ebda rimors u lanqas ma offra skuża għall-għemilu. Wara li eżaminat il-fatti, il-Qorti sabet lil Mohamed Ibrahim Haruun ħati ta’ serq kwalifikat u li kien fis-sakra f’lok pubbliku.

Madankollu, peress li Haruun ma kellux rekord kriminali u kien ilu miżmum arrestat minn Awwissu 2025, il-Qorti ddeċidiet li tagħti ċans ta’ riforma. B’hekk, taħt l-Artikolu 22 tal-Att dwar il-Probation (Kap. 446), il-Qorti ħelset lill-imputat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien 30 xahar mid-data tas-sentenza.