Internazzjonali

Trump inaqqas it-tariffi għal Beijing, filwaqt li ċ-Ċina se tagħti aċċess akbar għall-minerali u metalli rari

Donald Trump ħabbar li naqqas it-tariffi fuq l-importazzjoni miċ-Ċina wara l-ewwel laqgħa li kellu mal-President Ċiniż Xi minn meta reġa’ sar President. Il-laqgħa kienet iffukata fuq taħditiet dwar il-kummerċ u koperazzjoni reġonali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Iċ-Ċina għandha rwol ċentrali fir-raffinar ta’ metalli vitali għall-industrija, u għandha 90 fil-mija tal-minerali u metalli rari tad-dinja kollha. Permezz ta’ din id-dominanza, iċ-Ċina għandha l-poter tiddeċiedi lil min tbiegħ u lil liema kumpaniji tirrifjuta.

Il-gwerra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti wriet l-importanza tal-minerali u l-metalli rari li għandha ċ-Ċina. Permezz ta’ dawn il-minerali rari jinħadmu l-karozzi tal-elettriku, il-hard drives tal-kompjuters, l-iscreens tat-TV, magni għall-jets, oġġetti elettroniċi oħra u armi militari. Hemm minnhom li huma abbundanti ferm fin-natura tagħhom, imma huma kkunsidrati bħala minerali rari għaliex diffiċli biex wieħed isibhom fil-forma pura tagħhom, u barra minn hekk huwa perikoluż biex tiskava għalihom.

F’dawn l-aħħar xhur iċ-Ċina bdiet iżżom id iebsa fl-importazzjoni ta’ dawn il-minerali rari. Din id-deċiżjoni kienet daqqa ta’ ħarta għall-Istati Uniti minħabba li l-industriji tagħha jiddependu, kważi kompletament fuq l-importazzjoni tal-metalli rari u prezzjużi.

Hu mifhum li ċ-Ċina lagħbet din il-karta biex tkun tista’ tinnegozzja aħjar it-tariffi li Trump ried idaħħal fuq prodotti Ċiniżi.

Skont Trump intlaħaq ftehim dwar il-kummerċ tal-minerali rari. Iżda d-dettalji dwar dan għadhom mhumiex ċari – għalkemm iċ-Ċina kienet iktar kawta meta ħarrġet l-istqarrija tagħha.

Il-President Ċiniż qal li ż-żewġ naħat laħqu konsensus biex jissolvu l-maġġorparti tal-kwistjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Iċ-Ċina u l-Istati Uniti se jkunu qegħdin jaħdmu flimkien biex jaslu għal ftehim. Xi rrefera għal din il-ħidma bħala pirmla li se tkun ta’ serħan tal-moħħ għaż-żewġ pajjiżi.

Il-President Ċiniż qal li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jkunu xhieda kif żewġ super poteri jistgħu jaħdmu flimkien għall-benefiċċju tagħhom u tad-dinja.