Il-Kulleġġ San Tumas More, Carlo Diacono, se jorganizza WellFest, festival li jgħaqqad il-benesseri mentali, emozzjonali, soċjali u fiżiku permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi NGOs, professjonisti tas-saħħa, edukaturi u għaqdiet oħra.
L-attività se ssir bejn it-27 u t-30 ta’ Ottubru u se tinkludi madwar elf student bejn l-etajiet ta’ 11 u 16-il sena. Se tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku nhar il-Ħamis, 30 ta’ Ottubru, bejn is-18:30 u l-22:00.
L-iskop ta’ WellFest hu li joħloq u jkabbar kultura ta’ pożittività, kreattività, reżiljenza, kura personali u komunità soċjali. Dan se jsir permezz ta’ esperjenzi interattivi li jsaħħu s-sens ta’ responsabbiltà, il-komunikazzjoni u l-għarfien dwar suġġetti varji relatati mal-benesseri.
Matul din is-serata, se jkun hemm ukoll bejgħ ta’ ikel u xorb san. Id-dħul għall-attività huwa b’xejn, iżda donazzjonijiet volontarji se jmorru għall-Fondazzjoni St Jeanne Antide.
Ingħaqdu magħna għal dan il-festival speċjali fejn, flimkien, nistgħu nagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna.
//= $special ?>

