Lokali Qorti

14-il pitkal tilfu l-kawża kontra l-Gvern minħabba li naqsu jikkonformaw mar-regoli ta’ rinnovar

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, ċaħdet talba għal kumpens ippreżentata minn 14-il pitkal kontra l-Ministeru tal-Agrikoltura u uffiċjali għolja, wara li kkonkludiet li t-telf tal-liċenzji tagħhom fl-2021 ma kienx riżultat ta’ xi nuqqas jew abbuż mill-Gvern, iżda minħabba l-falliment tagħhom stess li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali meħtieġa għar-rinnovar.

Il-kawża, deċiża l-Ġimgħa, kienet tħaddan allegazzjonijiet li l-Gvern kien wiegħed lill-pitkala li se jelimina l-obbligu ta’ garanzija bankarja meħtieġa bil-liġi, iżda mbagħad biddel il-pożizzjoni tiegħu u talab li l-istess garanzija tiġi rinnovata b’terminu iqsar u b’rata ogħla mis-soltu. Il-pitkala sostnew li din id-deċiżjoni ta’ malajr wasslithom biex ma jkunux jistgħu jkomplu joperaw u li minħabba hekk għamlu telf finanzjarju u 80 ħaddiem spiċċaw bla xogħol.

Huma argumentaw li matul laqgħat mal-Ministeru fl-aħħar tal-2020 u fil-bidu tal-2021, kienu ngħataw assigurazzjonijiet li s-sistema tal-garanzija bankarja kienet se tiġi abolita, u għalhekk kienu ddeċidew li ma jġeddux il-garanziji tagħhom. Madankollu, f’Marzu tal-2021 ġew infurmati li, biex iżommu l-liċenzja valida, kienu xorta jridu jġeddu l-garanzija — ħaġa li ma rnexxilhomx jagħmlu fil-ħin. Il-liċenzji għalhekk skadew, u dawn tilfu d-dritt li joperaw fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ Ta’ Qali.

Min-naħa tagħhom, il-konvenuti — il-Ministru tal-Agrikoltura, is-Segretarju Permanenti u d-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Rurali — ċaħdu li wettqu xi ħaġa ħażina, u spjegaw li għalkemm kienu saru diskussjonijiet dwar tibdil fil-liġi, dan qatt ma daħal fis-seħħ. Diskussjonijiet dwar politika, qalu, ma jikkostitwixxux wegħdiet vinkolanti.

Il-Qorti qablet ma’ din il-pożizzjoni. L-Imħallef Demicoli sostniet li, minkejja n-negozjati, il-qafas regolatorju li jesiġi l-garanzija bankarja kien għadu fis-seħħ u għalhekk il-pitkala kienu legalment obbligati jikkonformaw miegħu biex iżommu l-liċenzja tagħhom. Kull aspettattiva li l-liġi kienet se tinbidel kienet waħda prematura, qalet il-Qorti.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-avviż dwar ir-rinnovar, maħruġ ftit jiem qabel l-iskadenza legali ta’ 31 ta’ Marzu, ma kienx inġust jew maħsub biex iqarraq bihom. L-iskadenza kienet stabbilita mil-liġi stess, u l-fatt li fi snin oħra l-awtoritajiet kienu tard biex joħorġu l-avviżi, ma kienx ibiddel l-obbligu legali tal-operaturi.

Barra minn hekk, l-Imħallef ikkonkludiet li l-pitkala setgħu rrenewjaw il-liċenzja tagħhom anke mingħajr avviż formali, u li l-problemi tagħhom kienu frott ta’ deċiżjoni li ħadu huma stess — dik li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti qabel ma saret xi emenda fil-liġi.

B’hekk, il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm ħażen ta’ intenzjoni mill-Gvern u lanqas bażi biex jingħata kumpens għal qligħ mitluf, goodwill, assi jew ħsarat oħra. Barra minn hekk, tnejn mill-atturi — l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala u individwu li kien qed jaġixxi f’isem ieħor — ġew ukoll misjuba li ma kellhomx interess legali biżżejjed biex jippreżentaw it-talba.

Il-Qorti għalhekk ċaħdet it-talba kollha u ordnat lill-pitkala biex iħallsu l-ispejjeż tal-kawża.