Lokali Opinjoni

OPINJONI: Il-flus jitqassmu, id-dejn jisplodi u l-problemi jibqgħu

Qed nisraq it-tema li biha ħareġ Alex Borg, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, wara li xxandar id-diskors tal-baġit! Fil-baġit għas-sena 2026 il-Gvern qassam... Anke dak li ma jaqlax.... Iżda ħadd ma jinnega li qassam. Biex jagħmel dan, ser ikompli jiddejjen iktar eluf ta’ miljuni. Min-naħa l-oħra, il-problemi li bih Gvern Laburista għabbiena tul l-aħħar tnax-il sena baqgħu kollha hemm. Anzi, hemm fejn saru aktar gravi. Il-Gvern mhu jipproponi xejn dwar il-problema kbira tat-traffiku li tkompli tiżdied kuljum biż-żieda ta’ eluf ta’ vetturi ġodda. Kif ma propona xejn dwar il-problema daqshekk kbira tal-ipparkjar. Il-Gvern anqas propona xi soluzzjoni għas-settur tas-saħħa fejn għandna sptar li mhux ilaħħaq man-numru ta’ pazjenti li qed jidħlu fih... U fejn it-tobba, l-infermiera u ħaddiema oħra f’dan is-settur qed jaħdmu ħafna iktar milli jifilħu. Nuqqas ta’ soluzzjonijiet jeżistu wkoll dwar is-sistema tal-elettriku u d-drenaġġ. Dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex. Dwar l-iskart u l-ambjent. Kollha problemi li biex issolvihom trid il-biljuni. Iżda għandna Gvern li flok jivvota iktar f’nefqa kapitali jonfoq inqas.

Joe M. Zahra

Issa drajnieha l-wirja tal-Ministru Clyde Caruana fid-diskorsi tiegħu tal-baġit. Nemmen li hu, tul is-sena, jaħdem għal dik il-ġurnata! Dan hu l-ministru li bena l-politika ekonomika ta’ pajjiżna fuq iż-żieda fil-popolazzjoni. Forsi għalhekk ma qal xejn dwar kif ser nsolvu din il-problema! Iżda mbagħad fuq affarijiet oħra jirriċerka biex ikun jista’ jagħtina s-soltu paragrafu fejn jattakka lill-Ministri Nazzjonalisti li ġew qablu. Allaħares konna nagħmlu l-istess għaliex kieku rridu volumi!
Din is-sena tkellem dwar iċ-children’s allowance. Li ma qalx pereżempju li fid-diskors tal-baġit tal-2008, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li kien ukoll Ministru tal-Finanzi, meta tkellem dwar is-sistema tal-Allowance tat-Tfal, ħabbar li dawk taħt is-16-il sena fosthom rdoppja l-allowance għat-tieni wild biex tkun daqs dik tal-ewwel wild. Dan meta hu baxxa d-dħul minimu għal skop ta’ allowance għal familji bit-tfal li għandhom dħul inqas mill-paga minima waqt li għolla l-minimu ta’ allowance tat-tfal minbarra għadd ta’ miżuri oħra! Kollha miżuri maħsuba biex b’mod konkret tkun implimentata politika favur il-familji li jkunu qed irabbu t-tfal. Bħal dawn il-miżuri favur il-familja, kien ikun hemm kull sena.
Il-Ministru Caruana semma li fis-sistema tat-taxxa tagħna għandna żewġ kompjutazzjonijiet li taħthom familja tista’ tkun qed trabbi – il-Komputazzjoni Miżżewġin u l-Komputazzjoni Ġenitur. L-aħħar komputazzjoni kienet introdotta minn Gvern Nazzjonalista fl-2012. Persuna li jkollha status ta’ taxxa ta’ ġenitur jnaqqas il-piż tat-taxxa tiegħu b’mod konsiderevoli.
Dawn, u ħafna miżuri oħrajn, huma maħsuba wkoll biex jirrikonoxxu s-sehem tal-omm li tiddedika l-enerġija tagħha għat-trobbija ta’ uliedha.

L-aqwa fl-Ewropa
Clyde Caruana tenna wkoll li pajjiżna għandu l-aħjar ekonomija fl-Unjoni Ewropea. Hekk nieħdu pjaċir. Nieħdu pjaċir iktar jekk tkun l-aqwa fid-dinja! Iżda tajjeb infakkru li anke waqt l-ikbar kriżi ekonomika u finanzjarja li minnha għaddiet id-dinja fl-2008 u wara, Malta flimkien mal-Ġermanja, l-iżgħar u l-ikbar ekonomiji fl-UE, kienu l-uniċi żewġ ekonomija li baqgħu jiżviluppaw!
Il-Ministru tal-Finanzi jidher li ftit jaf dwar l-imgħoddi ta’ pajjiżna. Għaliex kieku jiftakar li l-ikbar tnaqqis fit-taxxa sar mill-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami meta naqqas l-ogħla rata tat-taxxa minn 65 għal 35 fil-mija u daħħal rata ta’ 15 fil-mija għal xogħol part-time u overtime kif ukoll fuq l-interessi.
Kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li poġġa l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq saqajha wara l-ħerba li ħallew il-Gvernijiet ta’ Duminku Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici. Il-Partit Laburista kompla fuq dak li bena ħaddieħor. Bid-differenza li qed jibni l-finanzi tal-pajjiż fuq id-dejn li xi darba jrid jitħallas.

L-estimi tal-Gvern
Meta nitkellmu dwar il-baġit irridu qabel xejn naraw kif marru l-estimi tal-Gvern dwar id-dħul u l-ħruġ fil-finanzi tiegħu. Għal din is-sena, il-Gvern ikkalkula li se jdaħħal €7,517 miljun. Skont l-estimi riveduti se jdaħħal €8,026 miljun – €509 miljun iktar. Fl-istess waqt, ikkalkula li se jonfoq €8,054,763. Skont l-istess estimi rivedut se jonfoq €8,725,210. Fil-fatt nefaq €669,447 iktar, jew 8.3 fil-mija iktar. Ħafna iktar mill-ħamsa fil-mija li kien intrabat li ma jżidx iktar fin-nefqa matul is-sena l-oħra. Din mhix xi ħaġa li għandna nieħdu bħallikieku ma ġara xejn għaliex iktar infiq u inqas dħul ifisser iktar dejn. Dejn li qed jiżdied u qed isir insostenibbli jirraġuna kemm jirraġuna l-Gvern bil-persentaġġi mal-Prodott Domestiku Gross.

Id-dejn se jaqbeż l-€14 biljun
Id-dejn qed jiżdied kull sena. Mhux bi ftit iżda b’mijiet ta’ miljuni. Għal-Labour spiċċa ż-żmien li kien jattakka lill-Gvernijiet Nazzjonalisti meta d-dejn kien ħafna u ħafna inqas.
Il-Ministru tal-Finanzi qed jipproġetta li wara li din is-sena, id-dejn ikun tela’ bi €11.6 biljun, waqt li s-sena d-dieħla jkompli jitla’ għal €12.5 biljun waqt li fl-2027 għal €13.3 biljun — u fl-2018 għal €14 biljun.
Skont l-estimi, il-ħtieġa tal-Gvern li jissellef se titla’ minn €1,843 miljun is-sena d-dieħla, għal €1,713 miljun fl-2027 u €1,749 fl-2028. Żieda fil-ħtieġa tal-Gvern li jiddejjen €5.2 biljun fi tliet snin! Fil-ħtieġa tal-Gvern li jissellef, barra minn dejn ġdid, ikun hemm dejn ta’ stocks li jkunu għalqu u jridu jerġgħu joħorġu. Dan ifisser li stocks li kienu b’imgħax baxx u li se jagħlqu s-sena d-dieħla jkunu jridu joħorġu b’imgħax ogħla u allura se jkomplu jżidu l-piż tal-imgħax fuq kulħadd.
Is-sena d-dieħla, il-Gvern qed jistma li se joħroġ €336 miljun f’imgħaxijiet. Fl-2027 se joħroġ €359 miljun u fl-2028 €383 miljun. B’kollox €1,078 miljun f’imgħaxijiet fi tliet snin.
Fuq popolazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin ta’ 400,000 fi żmien tliet snin kull persuna, minn tarbija sal-iktar persuna anzjana, ser jkollha piż ta’ dejn fuq rasha ta’ €35,000. Dak hu parti mill-wirt li se nħallu li ta’ warajna!

Għawdex
Għal Għawdex ftit li xejn hemm…. Wara li n-nefqa kapitali din is-sena naqset b’mod sostanzjali, is-sena d-dieħla ser tiżdied xi ftit. Iżda rridu naraw li l-ftit li hemm ivvutati kif u jekk hux ser jintefqu! Żgur li bil-ftit li hemm la tista’ tibni sptar ġdid, la tibni bastiment ġdid, la tkabbar il-port tal-Imġarr, la ttejjeb il-konnettivita’ u anqas tibni Qorti ġdida. Xejn minn dan kollu! Għal-Laburisti Għawdex minsi minkejja li għandhom tliet Ministri!

Dħul li jagħmel tajjeb għaż-żidiet
Il-Ministru tal-Finanzi tkellem dwar kemm ser tikber in-nefqa fuq servizzi soċjali. In-nefqa setgħet tikber għaliex il-Gvern qed idaħħal ħafna iktar mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali. Ħafna iktar anke wara li jħallsu l-benefiċċji kontributorji u dawk li mhumiex! Tgħiduli mhux ħaġa tajba li l-Gvern idaħħal iktar. Iva! Iżda filwaqt li qabel dak li jidħol ma kienx ikun biżżejjed biex ikopri l-ħlas tal-benefiċċji, il-fatt li llum qed jibqa’ ħafna jfisser li mhumiex jiżdiedu biżżejjed il-benefiċċji minn dak li nikkontribwixxu. Għalhekk nemmen li għandu jkun hemm mill-ġdid fond għall-pensjonijiet kif kien hemm qabel neħħieh Mintoff. Kieku kien hemm dan il-fond kieku bejn l-2021 u l-2024 kien jibqa’ dawn l-ammonti it-tieni tabella.
Mela li kieku hemm fond u jħallas biss dawk intitolati għal benefiċċji kontributorji f’erba’ snin il-fond kienu jibqagħlu fih €1,417 miljun. Min-naħa l-oħra kieku l-fond iħallas il-kontribuzzjonijiet kollha, sew dawk kontributorji u dawk mhumiex, kien jibqagħlu €378 miljun. U hekk il-fond kien jibqa’ dejjem minn fuq! Dak li jibqa’ kien jiġi investit u mill-imgħaxijiet jitħallsu aktar benefiċċji mingħajr mal-Ministru jkollu joqgħod jagħmel dak it-teatrin kollu!
Dawn huma xi osservazzjonijiet li xtaqt nagħmel dwar il-baġit għall-2026. Baġit imgeżwer fi tqassim ta’ flus iżda li meta tagħsru sew issib li mhu ser isolvi l-ebda problema li ħoloq l-istess gvern Laburista. Li darba ħoloqhom hu mhux il-gvern idonju biex isolvihom. U forsi għalhekk ma jsemmihomx!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 31 ta’ Ottubru, 2025.