Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia semgħet il-każ kontra Clayton Fava, ta’ 38 sena minn Ħaż-Żabbar, u Brian Mallia, ta’ 51 sena minn Bormla, li tressqu l-Qorti akkużati b’serq fuq żewġ nisa anzjani u attentat ta’ serq fuq anzjana oħra f’żewġ każijiet separati li seħħew f’Ottubru ta’ din is-sena.
Il-Qorti li ċaħdet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati semgħet li l-vittmi kienu anzjani, ta’ aktar minn 60 sena. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Cristina Delia u l-avukat Giulia Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, spjegaw li l-ewwel każ seħħ fid-19 ta’ Ottubru bejn l-11 ta’ filgħodu u t-3 ta’ wara nofsinhar minn residenza fi Triq Sir Temi Żammit, l-Imġarr, meta żewġ nisa anzjani ġew misruqa b’aktar minn €2,329.
It-tieni każ seħħ fis-26 ta’ Ottubru għall-ħabta tad-9 a.m. f’Ħal Għaxaq, meta anzjana oħra kienet se tkun il-vittma ta’ serq, b’mod simili, minn raġel li kien deher fuq CCTV jintuża l-istess vettura li kienet inħatret fil-każ tal-Imġarr — Toyota Vitz. Madankollu meta din l-anzjana semgħet li l-bieb tagħha qed jiġi sgassat il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post.
Minn investigazzjonijiet tal-Pulizija, irriżulta li l-akkużati kienu identifikati permezz ta’ filmati tas-sigurtà u osservazzjonijiet diretti. Il-Pulizija segwiethom minn Ħaż-Żabbar u arrestathom wara li kkonfermat li kienu bl-istess ħwejjeġ u vettura murija fil-filmati. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li rriżulta li meta l-akkużati marru jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija fuq każijiet oħra, kienu lebsin l-istess ħwejjeġ li ntużaw f’serqa minnhom.
Mallia ġie akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu f’digriet tal-Imħallef Aaron Bugeja, li aktar tard ġie emendat mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, u għalhekk allegatament kiser ordni tal-Qorti datat 2 ta’ Ottubru.
Min-naħa l-oħra, Fava ġie mixli wkoll li ma ħarisx kundizzjonijiet imposti fuqih minn Maġistrat Lara Lanfranco f’Mejju li għadda, u li huwa riċediv, jiġifieri kellu kundanni preċedenti. Id-difiża, rappreżentata mill-avukati Mark Busuttil għal Fava u Thomas Barbara Sant għal Mallia, talbet għall-ħelsien mill-arrest, b’argument li l-akkużati għandhom jiġu ttrattati bħala innoċenti sakemm ma jinstabux ħatja.
Dr.Busuttil sostna li l-prosekuzzjoni kontinwament toġġezzjona għall-pleġġ fuq l-istess raġunijiet u li l-Qorti għandha tqis li ċ-ċaħda tal-libertà hija eċċezzjoni, mhux ir-regola. L-avukat Barbara Sant enfasizza li l-biża’ li jistgħu jfixklu xhieda trid tkun waħda reali u mhux ipotetika, u li l-ksur tal-kundizzjonijiet li l-prosekuzzjoni ssemmi għadu ma ġiex deċiż mill-Qorti.
Huwa żied li l-akkużati u l-allegati vittmi ma jafux lil xulxin personalment u li l-Qorti għandha tħares lejn bilanċ bejn il-protezzjoni tal-vittmi u d-dritt għall-libertà. Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha, billi argumentat li l-akkużati għandhom karattru raffrettarju, li diġà kisru kundizzjonijiet tal-Qorti, u li hemm xhieda vulnerabbli li għad trid tixhed. Għalhekk, hemm biża’ serja li jistgħu jfixklu l-provi jew jerġgħu jwettqu reat simili.
Il-prosekuzzjoni u l-parte ċivili, rappreżentata mill-avukat Gianluca Capitta, sostnew li l-istadju tal-kawża għadu bikri wisq biex jingħata l-ħelsien mill-arrest, peress li għad hemm xhieda okulari li għandhom jinstemgħu, u enfasizzaw li l-vittmi għandhom jingħataw il-protezzjoni massima.
Il-Qorti, wara li semgħet l-argumenti, ċaħdet it-talba tad-difiża u qalet li wara li qieset bir-reqqa in-natura serja tal-akkużi, il-fatt li kisru kundizzjonijiet preċedenti, u l-vulnerabbiltà tal-vittmi ċaħdet f’dan l-istadju l-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		