Lokali

Alex Borg jippubblika rendikont tal-ispejjeż tal-kampanja tiegħu għal Kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-PN Alex Borg qed jippubblika rendikont dettaljat tal-ispejjeż tal-kampanja tiegħu li saret matul is-sajf li għadda, bħala parti mill-proċess biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Lil hinn mill-aspetti finanzjarji, jisħaq Alex Borg, huwa importanti li jingħata rikonoxximent lill-voluntieri taż-żewġ kampanji li, qabel kollox, għandhom għal qalbhom lill-Partit Nazzjonalista u lil pajjiżna.

“Kif dejjem tennejt u sħaqt, politika bla interessi ġġib magħha trasparenza assoluta. Dan huwa l-mod kif naħdem jien. Miegħi taf fejn int. Għalhekk qiegħed nagħmel dan il-pass li mhuwiex rikjest bil-liġi,” sostna Alex Borg.

Alex Borg enfasizza li dan l-eżerċizzju ta’ trasparenza għandu jkun standard politiku ġdid fil-pajjiż, mhux eċċezzjoni. “Mhux l-istess jista’ jingħad għal Robert Abela li, minkejja li għaddew aktar minn ħames snin minn meta sar Mexxej tal-Partit Laburista, għadu ma ppubblikax rendikont tal-ispejjeż tal-kampanja tiegħu,” qal Alex Borg.

Hu kompla jispjega li, sa mill-2023, Robert Abela u l-Kabinett tiegħu m’għadhomx jippubblikaw lanqas il-lista tal-assi personali tagħhom kif mitlub mil-liġi.

“Lil hinn mil-liġi, huwa fl-interess tal-poplu li jkun jaf fejn jinsab mal-politiċi li jmexxuh. Il-poplu jixraqlu trasparenza, mhux sigrieti.”

Il-Kap tal-PN temm jgħid li filwaqt li Robert Abela għaddej b’kampanja ta’ aljenazzjoni u attakki personali, fl-isfond ta’ diżgwid ċar fil-Partit Laburista, hu se jkompli bil-ħidma serja u pożittiva, li tpoġġi l-ġid tal-poplu qabel il-politika tal-attakki u tal-biża’.