Il-Ministru Clyde Caruana għadu ma rax l-istudji l-ġodda li qed jagħmlu l-ARUP dwar il-proġett tal-metro.
Dan ikkonfermah il-Ministru Chris Bonnet innifsu f’kummenti lil Net News meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon, fosthom għalfejn fid-diskors ta’ budget li kien twil madwar tliet sigħat fl-ebda ħin ma semma’ l-proġett ta’ trasport tal-massa – u baqa’ ma ta ebda soluzzjoni għat-traffiku.
Bil-Ministru jikkonferma wkoll li l-proġett ta’ trasport tal-massa għadu biss pjan; minkejja li kien issemma’ l-ewwel darba fl-2021. Studju li l-Ministru Clyde Caruana li għadu ma rahx.
Il-Ministru tat-Traffiku indika li dan il-proġett lanqas il-Kabinett għadu ma ġie kkonsultat dwaru. Dan minkejja li fl-aħħar jiem il-Ministru Clyde Caruana kontinwament wera x-xettiċiżmu tiegħu dwaru. Kummenti li ta b’mod mill-aktar miftuħ, b’mod pubbliku.
Intant, Net News staqsa wkoll lill-Ministu Bonnet dwar il-miżura biex iż-żgħażagħ iċedu l-liċenzja tas-sewqan, bil-Ministru mill-ġdid ma jagħtix risposta dwar kemm din il-miżura se tkun effettiva biex tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku.
Liema miżura wieħed jassumi li saret wara riċerka serja. Però, għall-Ministru Bonnet… mistoqsijiet leġittimi bħal dawn qegħdin hemm biss biex isaħħnu l-irjus.
Il-Ministru spiċċa attakka din il-mistoqsija dwar miżura li anka l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ wera t-tħassib tiegħu dwarha.
Apparti l-miżura tal-liċenzji, il-Budget ma indirizza bl-ebda mod il-kriżi tat-traffiku – l-akbar inkwiet li għandu bħalissa l-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>

 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		