L-aħħar riżultati ta’ Hibernians, qed ipoġġu lit-tim minn Raħal Ġdid, f’riskju serju li fit-tieni fażi tal-Opening Round, huma jispiċċaw barra mit-Top Six. F’dawn l-ewwel għaxar partiti tal-Malta Premier rajna ż-żewġ t’uċuħ ta’ Hibernians; minn skwadra li kienet fl-ewwel post tal-klassifika, għal tim li tilef l-aħħar erba’ partiti tal-Kampjonat, kontra Ħamrun Spartans, Floriana, Valletta u Sliema Wanderers.
Wieħed ma jridx jinsa kif bdew l-istaġun Hibernians. Bil-problemi kollha li kellu kowċ Branko Nisevic, fejn kellu kriżi ta’ injuries, il-Pawlisti fl-ewwel sitt partiti tal-Malta Premier ma kienx għadu tilef logħba u kien minn ta’ quddiem fil-klassifika. Dak li ġara minn match day 7 sal-aħħar partita li lagħbu nhar l-Erbgħa li għadda kontra Sliema Wanderers, biddel kompletament ix-xenarju ta’ Hibernians.
Attwalment, it-tim tal-pagun jinsab fis-seba’ post tal-klassifika, b’żewġ punti biss taħt is-sitt post, Birkirkara u tliet punti taħt Marsaxlokk. Fit-tmiem il-ġimgħa, fil-match day deċiżiva għal min se jkun qed jilgħab Top Six u Bottom Six, Hibernians se jkunu qed jaffrontaw lil Marsaxlokk, u hu imperattiv għar-rebbieħa tal-FA Trophy fl-istaġun li għadda, li jiksbu t-tliet punti biex tal-anqas jisfurzaw decider.

Id-dressing room ta’ Hibernians, ippreparata qabel waħda mill-partiti tal-Malta Premier.
Is-sitwazzjoni ta’ Hibernians biex b’xi mod wara l-partita li jmisshom fit-tmiem il-ġimgħa kontra Marsaxlokk, jagħmluha mal-ewwel sitta tal-Opening Round hi sempliċi; ibda biex iridu jirbħu bilfors, imbagħad jaraw x’riżultat se jkun hemm fil-partita l-oħra tas-Sibt, dik bejn Birkirkara u Ħamrun Spartans.
Dejjem bl-ipoteżi li Hibernians jirbħu kontra Marsaxlokk, jekk Birkirkara jitilfu, allura jkunu l-Istripes li jispiċċaw barra mit-Top Six. Iżda jekk Birkirkara jiġu draw kontra Ħamrun Spartans, allura f’dak il-każ ikollna tliet timijiet li jispiċċaw bl-istess ammont ta’ punti, fis-sitt post tal-partita. Dawn ikunu Birkirkara, Hibernians u Marsaxlokk.
X’jiġri f’dak il-każ?
F’ċirkostanza bħal din, jiskatta mekaniżmu fejn jaraw min ikun ġabar l-akbar ammont ta’ punti fil-konfronti ta’ bejn it-tliet timijiet. It-tim bl-aħjar riżultati jgħaddi direttament għat-Top Six, u ż-żewġ timijiet l-oħra jilagħbu decider bejniethom għal min se jkun qed jilgħab Top Six.
Wieħed ma jistax ma jirrimarkax li dawn l-erba’ telfiet konsekuttivi daħlu lil Hibernians fi kriżi, tant li llhom is-snin, ‘il fuq minn għaxar snin u aktar, li fil-Kampjonat tilfu erba’ partiti fuq xulxin.
Ironikament, fl-isfond ta’ din il-kriżi Pawlista, sal-lum Hibernians għad għandhom l-aqwa attakk tal-Malta Premier, bi 18-il gowl skorjat. Fl-istess waqt Hibernians sofrew 16-il gowl; ir-raba’ l-agħar difiża tal-Malta Premier fil-mument.
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		