Budget 2026 Lokali

“Ħtieġa ta’ investiment akbar fil-qasam tad-dimensja” – PN

F’pajjiżna llum għandna aktar minn 7,500 persuna jbatu bid-dimensja. Sal-2050 dawn mistennija jitilgħu għal 17,000.Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ investiment li qed isir f’dan il-qasam.

Fi stqarrija, Paula Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva; Stephen Spiteri, ix-Shadow Minister għas-Saħħa; u Ian Vassallo, ix-Shadow Minister għall-Kura Preventiva u Primarja; spjegaw li minkejja li teżisti strateġija nazzjonali, huwa evidenti li jeħtieġ aktar investiment kemm fl-istrateġija u l-kura preventiva kif ukoll fil-kura biex kemm jista’ jkun il-pazjent ma jiddeterjorax b’mod mgħaġġel.

Jeħtieġ naraw li jkun hemm screening effiċjenti biex il-kundizzjoni tinqabad kemm jista’ jkun kmieni, jeħtieġ li l-faċilitajiet li jagħtu kura lill-pazjenti jkunu attrezzati bl-aqwa apparat u jeħtieġ li jkollna ħaddiema mħarrġa sew f’din il-kundizzjoni biex l-anzjani tagħna jkollhom l-aqwa sapport possibbli.

Il-popolazzjoni Maltija qiegħda dejjem tikber u magħha qed jikber in-numru ta’ anzjani bil-kundizzjoni tad-dimensja. Ma nistgħux nirriskjaw li bħala pajjiż ninqabdu mingħajr biżżejjed faċilitajiet biex nieħdu ħsieb lil kull pazjent bid-dinjità li tixraqlu.

Huma qalu li rajna diversi inċidenti jseħħu dan l-aħħar li juru falliment serju fis-sistema u li huma evidenza ċara tal-ħtieġa li minbarra li għandha tiġi pprovduta l-aħjar kura lil dawn il-persuni, dawn iridu jkunu wkoll imħarsa u għandhom dritt li jħossuhom siguri, ikunu fejn ikunu.

Il-PN jappella lill-Gvern biex jieħu din il-kundizzjoni b’aktar serjetà biex itaffi mill-piżijiet li qed iġorru mhux biss il-pazjenti imma anke l-qraba tagħhom, waqt li jassigura li jiġu indirizzati nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fl-għoti tas-servizzi lil pazjenti bid-dimensja sew fil-komunità kif ukoll fil-faċilitajiet eżistenti.