“It-toroq imblukkati u ġġamjati bi stress kbir fuq l-infrastruttura u fuq il-poplu…imma fl-aqwa budget ma smajna assolutament xejn dwar it-traffiku f’pajjiżna”
Sostna dan ix-Shadow Minister Ryan Callus meta kien qed jipparteċipa f’dibattitu mal-Ministru Owen Bonnici fuq il-programm ‘Insights’ tal-PBS.
Ryan Callus spjega li f’dan il-budget il-Gvern tefa’ totalment fil-ġenb il-problema tat-traffiku u abbanduna waħda mill-akbar sfidi li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin preżentament. Filwaqt li fakkar li kien Gvern Laburista stess li ħoloq din il-kriżi wara li kabbar il-popolazzjoni mingħajr ebda pjan konkret.
Apparti min hekk ix-Shadow Minister tkellem ukoll fuq il-fatt illi d-Deputati Laburisti fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi qed jagħmlu kulma jistgħu biex ixekklu l-investigazzjoni li qed issir biex tingħata spjegazzjoni dwar kif intefqu 7.2 miljun ewro mill-Kummissarju tal-Films. Tant li l-membri tal-Gvern reġgħu ivvutaw biex iwaqqfu l-investigazzjoni dwar din in-nefqa.
Bil-Ministru Owen Bonnici, li huwa responsabbli mill-Films u l-infieq, joħroġ għonqu għall-Kummisarju Johann Grech, minflok jassigura li l-fondi pubbliċi jiġu investiti kif suppost f’dan is-settur tant importanti.
Intant, ħareġ biċ-ċar għal darb’oħra li l-Gvern Laburista ser jibqa’ jiddefendi t-tberbieq minn flus il-poplu, u jibqa’ jitfa’ l-bżar fl-għajnejn flok iħares kif jintefqu flus il-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>
