F’demokrazija li taħdem b’mod effettiv, il-midja tas-servizz pubbliku hija fdatha bir-responsabbiltà li tinforma, teduka u tirrifletti d-diversità tas-soċjetajiet li taqdi. Il-mandat tagħha mhuwiex biss li tag]ti pjaċir lis-segwaċi, u li tiprovoka jew tissodisfa l-interessi populisti jew partiġjani, iżda li tħares l-interess pubbliku, ibbażat fuq il-ġustizzja, l-integrità fattwali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa.
Għalhekk il-Malta Women’s Lobby (MWL) jinsab imħasseb ħafna li Ricky Caruana, li jidher li m’għandux kwalifiki jew taħriġ fil-midja jew fil-ġurnaliżmu, ingħata pjattaforma fil-midja tas-servizz pubbliku waqt li jibqa’ jaqsam opinjonijiet foloz, medjevali u b’mod ċar ħafna misoġinisti fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali.
Fil-qosor, ix-xandara nazzjonali, li hija appoġġata mit-taxxi taċ-ċittadini — nisa inklużi — qed tippremja d-diskriminazzjoni. PBS essenzjalment qed jagħżel l-injoranza u l-mibegħda minflok il-għarfien u l-integrità, filwaqt li bosta nisa b’esperjenza u għarfien professjonali jibqgħu jiġġieldu biex jinstemgħu fl-arena pubblika.
Il-Lobby jistaqsi kif fondi pubbliċi jistgħu jingħataw fuq platt tal-fidda lil individwu li mingħajr mistħija jiddikjara disprezz lejn il-kontribut tan-nisa fis-soċjetà, jinjora l-kisbiet li għamlu l-lobbies tan-nisa, jippromwovi s-segregazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol, u jtappan l-urġenza li jirrikjedu r-rapporti ta’ fastidju sesswali.
Li jkollok opinjonijiet infondati, bla bażi jew kontroversjali ma jfissirx li jistħoqqlok ħin fuq l-istazzjon tal-PBS — speċjalment meta dawn l-opinjonijiet m’huma xejn aktar minn kummenti ta’ disprezz diretti lejn nofs il-popolazzjoni.
Il-libertà tal-espressjoni ma tfissirx li kull veduta hija infurmata bl-istess mod, u l-imparzjalità ma tfissirx li tqabbel il-preġudizzju mal-għarfien. Istituzzjoni pubblika tfalli lin-nies li hija maħsuba sservi jekk ma tkunx kapaċi tiddistingwi bejn dibattitu leġittimu u infurmat u t-tixrid ta’ mibegħda lejn in-nisa. Ir-responsabbiltà titlob aktar minn sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni — titlob kuraġġ editorjali u r-rieda li jingħad b’mod ċar li xi veduti m’humiex biss mhux aċċettabbli, iżda ma jistgħux jiġu difiżi f’soċjetà demokratika impenjata fl-ugwaljanza.
Nitolbu lill-PBS tirrevedi b’urġenza kif jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet u min jibbenefika minnhom.
Il-midja tas-servizz pubbliku tappartjeni lill-pubbliku — lill-membri kollha tas-soċjetà, irġiel u nisa — u l-pjattaformi tagħha għandhom jirriflettu dik l-umanità komuni, mhux idgħajfuha.
//= $special ?>

 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		