Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-linja nazzjonali tal-ajru, KM Malta Airlines, għandha tkun storja ta’ suċċess billi tkompli tħaddan il-professjonalità, l-integrità u s-sostenibbiltà.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa mat-tmexxija tal-Airline Pilots Association Malta (ALPA), fejn tenna li l-ħaddiema – inklużi l-piloti – għandhom ikunu parti essenzjali minn dan is-suċċess. Qal li hu importanti li dawn iħossuhom parti mil-linja tal-ajru.

Il-Kap tal-PN faħħar l-esperjenza estensiva u r-rekord eċċellenti ta’ sigurtà u servizz, li jirrappreżenta valur miżjud li għandu jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku f’kumpanija li Malta għandha tkun kburija biha. Dan fid-dawl tal-isfidi li r-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti spjegaw lil Alex Borg, partikolarment kif ġew trattati mill-Gvern matul il-proċess tal-bidla minn Air Malta għal KM Malta Airlines.
Alex Borg spjega kif, bħala gvern alternattiv, il-Partit Nazzjonalista jimpenja ruħu li jsib soluzzjonijiet ġusti u sostenibbli biex il-ħaddiema kollha tal-linja nazzjonali tal-ajru mhux biss ikunu rispettati, iżda jingħataw l-opportunità biex jikbru professjonalment u jikkontribwixxu ħalli l-kumpanija tkompli tikber u tkun suċċess veru għall-pajjiż.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ma jistax ikollok suċċess nazzjonali jekk il-ħaddiema ma jkunux parti integrali minnu. Bl-istess mod, il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru għandu jinbena fuq il-valur tal-persuni li jagħmluha possibbli.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco u mix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni Ivan Castillo.
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		