L-investiment li jrid isir fil-qasam tal-vetturi elettriċi, l-assigurazzjoni, is-sigurtà fit-toroq u n-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa kienu fost it-temi diskussi waqt laqgħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mal-Insurance Association Malta.
Waqt din il-laqgħa kien hemm qbil li l-futur tal-vetturi elettriċi f’pajjiżna ma jiddependix biss fuq kemm ikollna charging pillars imma jeħtieġ tħejjija f’diversi livelli. Fost it-tħassib hemm in-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa fit-tiswija ta’ dawn il-vetturi u kienet diskussa l-importanza li jsir investiment f’dan il-qasam.
Kienet diskussa wkoll is-sigurtà fit-toroq u l-ħtieġa ta’ testing għall-użu ta’ sustanzi kif ukoll għal infurzar serju biex tkun imħarsa s-sigurtà tas-sewwieqa u n-nies fit-toroq, kif ħareġ ukoll mill-proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista aktar kmieni din is-sena.
Fil-fatt l-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni fakkret kif ftit tal-ġimgħat ilu esprimiet l-appoġġ sħiħ tagħha għall-proposti tal-PN dwar is-sigurtà biex jintbagħat messaġġ qawwi kontra kull forma ta’ abbuż fit-toroq minn sewwieqa li joqtlu jew iweġġgħu gravi lil ħaddieħor minħabba sewqan irresponsabbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li bħalma jrid isir f’setturi oħra, irridu naraw li anke hawn noħolqu opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna billi nipprovdu taħriġ biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għall-ħidma fuq dawn il-vetturi tal-lum u tal-futur. Importanti wkoll li ħaddiema li diġà jaħdmu f’dan il-qasam jingħataw taħriġ biex jaġġornaw ruħhom u jibqgħu jikbru fix-xogħol tagħhom.
Hu tkellem ukoll dwar l-importanza li l-infrastruttura tal-pajjiż tiġi aġġornata għall-bżonnijiet ġodda aktar ma jikber in-numru ta’ vetturi elettriċi.
Il-Kap tal-PN Alex Borg irringrazzja lill-Insurance Association Malta għall-ħidma tagħha fil-promozzjoni ta’ professjonalità, trasparenza u prattiċi tajbin fis-suq tal-assigurazzjoni u qal li jħares ‘il quddiem għal aktar kollaborazzjoni mal-assoċjazzjoni.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u x-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut.
Id-delegazzjoni tal-Insurance Association Malta tmexxiet mid-Direttur Ġenerali Adrian Galea. Preżenti wkoll kien hemm il-President Catherine Calleja, il-Viċi President Etienne Sciberras u Charles Zarb, membru tal-Assoċjazzjoni.
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		