Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga ġimgħa wara li tressaq il-Qorti

Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat li Josef Grech, ta’ 35 sena minn Bormla, akkużat bi traffikar ta’ droga ngħata ħelsien mill-arrest fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni, ġimgħa wara li tressaq il-Qorti mixli b’diversi reati. Huwa qed jiġi akkużat bi traffikar ta’ kokaina u kannabis, kif ukoll bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu diġà imposti fuqu f’każ ieħor.

Grech kien arrestat waqt roadblock tal-Pulizija, meta ġie nnutat f’karozza tal-kiri li kienet tidher suspettuża. Waqt tfittxija fil-BMW, il-Pulizija sabu pakketti ta’ kokaina, borża kbira ta’ kannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Tfittxijiet sussegwenti f’residenzi f’Bormla u Ħal Tarxien wasslu biex instabu wkoll għodod u oġġetti għall-ippakkjar tad-droga, filwaqt li f’Marsaskala ġiet ikkonfiskata karozza Mercedes.

Fil-proċess kriminali kontra Josef Grech, xehed l-Ispettur Mark Mercieca, li spjega kif kien preżenti waqt l-arrest tal-imputat u mexxa diversi tfittxijiet relatati mal-każ. L-Ispettur irrakkonta li waqt l-operazzjoni ġew elevati ammont ta’ flus kontanti u ġojjelli.

Wara investigazzjoni, irriżulta li dawn il-ġojjelli kienu dehru fuq kontijiet ta’ Instagram u Facebook li jidhru li kienu ta’ Grech, b’ritratti tiegħu liebes lilhom, u għalhekk il-Pulizija rrikonoxxewhom bħala proprjetà tiegħu.

Pulizija oħra li xehedu qalu li għall-ħabta tad-9.30 p.m., waqt ronda, lemħu vettura bil-pjanċi tal-kiri li fiha x-xufier kien jidher jagħmel kuntatt ma’ persuna oħra u jgħaddi xi ħaġa lilha. Malli l-persuna rat lill-Pulizija, bdiet tiggogja, u għalhekk dawn iddeċidew li jwaqqfu l-vettura.

Ix-xufier identifika ruħu bħala Josef Grech u, waqt li ħareġ rasu mit-tieqa, staqsa lill-Pulizija jekk humiex “tal-Għassa ta’ Bormla”. Il-Pulizija nnotaw li kien eċitat ħafna u deher f’qagħda suspettuża. Meta kkonfermaw mal-Għassa ta’ Bormla, dawn infurmawhom li Grech kien obbligat jiffirma magħhom bħala parti minn kundizzjoni ta’ ħelsien mill-arrest u li dak il-ħin kien barra l-ħin permess.

Wara li tħabbarlu d-drittijiet tiegħu, il-Pulizija għamlu search fil-vettura. Huma sabu borża b’sustanza ħadra taħt is-saqajn tax-xufier, u iktar boroż u flus kontanti ġewwa l-kompartiment ħdejn l-isteering wheel.

LIspettur Mercieca, li kien preżenti meta saru tfittxijiet f’diversi postijiet li Grech kien jiffrekwenta. F’garaxx instabet BMW bil-pjanċi “Josef G”, filwaqt li f’postijiet oħra ġew elevati ammonti kbar ta’ muniti ta’ €1 u €2, kif ukoll borma mimlija flus kontanti.

L-investigazzjoni qalet il-prosekuzzjoni kompliet tikkonferma s-suspett tal-Pulizija li Grech kien qed jopera barra mill-parametri tal-ħelsien mill-arrest u kien fil-pussess ta’ sustanzi suspetti u flus li jistgħu jkunu relatati ma’ attivitajiet illegali.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest bil-qawwa kollha, billi qalet li l-akkużat għandu storja ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet u kien hemm biża’ li jerġa’ jikkommetti reati jew jfixkel il-provi. Min-naħa tiegħu, l-avukat Franco Debono sostna li l-akkużat kien qed jieħu kura medika minħabba infezzjoni u wera r-rieda tiegħu li jikkopera mal-awtoritajiet.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, iddeċidiet li tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda taħt kundizzjonijiet stretti. Grech ingħata ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li: jidher għal kull att tal-proċess, ma jitlaqx minn Malta, ma jersaqx lejn ix-xhieda, ma jikkommettix reat ieħor, jirrapporta fl-għassa ta’ Bormla tliet darbiet fil-ġimgħa, jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu fil-Qorti.

Biex jiggarantixxi l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti ordnat li Grech jiddepożita €3,500 fi flus kontanti u joffri garanzija personali ta’ €20,000. Il-Qorti wissiet lill-akkużat li kwalunkwe ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet se jwassal biex jintilef il-ħelsien mill-arrest u jinħareġ mandat ta’ arrest ġdid kontrih. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Josef Grech, kien diġà ġie akkużat f’Novembru 2023 b’reat gravi ta’ ġrieħi gravi fuq ħabib tiegħu b’xabla, waqt li kien fuq binge ta’ kokaina li dam gġaddej sitt ijiem. L-allegat inċident kien seħħ fi Triq il-Madonna tal-Grazzja, Bormla,

Grech kien allegatament attakka lill-ħabib tiegħu b’sikkina li sar paranojku taħt l-effett tad-droga u qal lill-Pulizija li “ħaseb li kien ix-xitan.” Il-vittma kien spiċċa bi ġrieħi serji u ddaħħal l-isptar f’periklu tal-mewt. Il-Pulizija, li sabu lil Grech bilqiegħda fuq il-bieb ta’ daru, irrappurtaw li kien f’qagħda ta’ intossikazzjoni kbira u ma setax jagħti l-kunsens tiegħu għal testijiet tossikoloġiċi.