Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, ikkonfermat li multa ta’ kuljum imposta mill-Awtorità tal-Ippjanar għal żvilupp mhux awtorizzat tibqa’ dovuta sakemm l-illegalità titneħħa jew tiġi regolarizzata b’permess validu.
Il-każ kien jinvolvi appellant li kkontesta multa ta’ €6,980 imposta wara xogħol ta’ manutenzjoni fuq ħitan tas-sejjieħ f’San Lawrenz, Għawdex. Il-Qorti ċaħdet l-appell tiegħu u kkonfermat il-pożizzjoni tal-Awtorità.
F’reazzjoni, l-Awtorità tal-Ippjanar laqgħet id-deċiżjoni u spjegat li skont ir-Regolamenti S.L. 552.24 – Daily Penalty and Administrative Fines, multa ta’ kuljum tibda tiġi imposta wara 16-il ġurnata mill-ħruġ ta’ Stop and Enforcement Notice, u tibqa’ fis-seħħ sakemm is-sit jiġi konformi mal-permess jew titneħħa l-illegalità.
L-Awtorità stqarret li r-regolarizzazzjoni ta’ żvilupp twaqqaf il-multa mill-jum li jinkiseb il-permess, iżda ma tħassarx il-multi li diġà kienu dovuti għal perjodu meta l-illegalità kienet teżisti. Hija saħqet fuq l-importanza li permess jinkiseb qabel ma jibdew ix-xogħlijiet, u li l-infurzar jibqa’ ċar, ġust u fl-interess pubbliku biex jiġi żgurat li kull żvilupp isir b’mod legali u responsabbli.
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		