Internazzjonali

L-Ingilterra: Minn Prinċep….għal sempliċi Andrew Mountbatten Windsor

Il-Prinċep Andrew, li fl-aħħar xhur u snin kien fl-eqqel ta’ ħafna kontroversji, issa tilef it-titlu ewlieni bħala membru ewlieni tal-Monarkija…Żvilupp mistenni u inevitabbli wara li rranka d-diżgwid bejnu u ħuh il-kbir, ir-Re Karlu tal-Ingilterra.

B’hekk Andrew mhux se jkun magħruf aktar bħala ‘Prinċep’ u meta hu anki se jkollu jitlaq mir-residenza tiegħu – magħrufa bħala r-Royal Lodge – f’Windsor. Il-pjan jesiġi biex Andrew, ‘il quddiem, ikun residenti fi proprjetà tal-Familja Rjali f’Sandringham, fil-county ta’ Norfolk.

Fl-aħħar sigħat, isem Andrew tneħħa mil-lista tal-peers li hu pass formali lejn it-tneħħija tat-titli rjali tiegħu.

B’hekk, l-umiljazzjoni issa hi kompluta għal Andrew li, ix-xahar li għadda, kellu jirrinunċja għal aktar titli rjali fost il-kontroversji dwar nuqqasijiet gravi fil-ħajja privata tiegħu .

Dan ukoll wara d-deċiżjoni biex hu lanqas ma jibqa’ iżomm it-titlu tad-Duka ta’ York….Titlu mogħti lilu mingħand ommu, ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni, li dejjem kienet tqisu bħala ‘l-iben favorit’.

Sadanittant, ir-Re Karlu hu involut fil-proċess formali biex jaċċerta li ħuh, ‘il quddiem, ikun magħruf biss bħala Andrew Mountbatten Windsor.

Dan meta Andrew ilu s-snin involut f’numru ta’ sitwazzjonijiet embarazzanti għall-Familja Rjali – bl-akbar skandlu jinvolvi l-ħruġ, dan ix-xahar, ta’ emails li jmorru lura għall-2011 u li jikkonfermaw li l-prinċep kien baqa’ għaddej bil-kuntatti mal-biljunarju Amerikan Jeffrey Epstein – pedofelu u traffikant tat-tfajliet għal skopijiet sesswali – sa xhur wara li hu (Andrew) kien insista li ‘il-ħbiberija tagħhom spiċċat’.

Waħda mill-vittmi ta’ Epstein, Virginia Giuffre, ikkommettiet suwiċidju minħabba t-trawma li għaddiet minnha bħala waħda mill-iskjavi tal-biljunarju.  U Giuffre, permezz ta’ ktieb ġdid ippubblikat wara mewtha, irrepetiet l-allegazzjonjiet devastanti li hi, bħala adolexxenti, kienet sfurzata biex ikollha relazzjonijiet sesswali mal-Prinċep Andrew, talanqas tlett darbiet….Akkużi li Andrew dejjem ċaħad għalihom.

Sadanittant, William, il-Prinċep ta’ Wales u l-eredi prinċipali għat-Tron tal-Ingilterra bħala t-tifel il-kbir ta’ Karlu, kien ilu jinsisti li zijuh, Andrew, ma kienx aktar dehen li jirrappreżenta lill-Familja Rjali.

U issa, ir-Re Karlu deċieda biex jieħu dan il-pass importanti u fl-istess ħin sinifikanti ħafna fil-konfront ta’ ħuh….Miżuri ta’ ċensura meqjusa bħala neċessarji minkejja l-fatt li Andrew, anki issa, qed ikompli jiċħad l-allegazzjonijiet kontra tiegħu.

Madankollu – u minkejja li tilef it-titlu ta’ Prinċep – Andrew xorta waħda għadu ‘fil-post numru tmienja’ tal-eredità għat-Tron, skont il-ġerarkija li tmur lura għal sekli.

Fl-istess ħin, l-uffiċjali fil-Palazz ta’ Buckingham qed jittamaw li l-aħħar passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ Andrew inaqqsu mill-iskrutinju intensiv tal-media fuq l-iskandli assoċjati miegħu…Skandli li anki xeħtu dawl mill-aktar negattiv fuq il-Monarkija Britannika.